Euro2020
EURO 2020 – Christian Eriksen f’qagħda stabbli fi sptar f’Copenhagen

Il-midfielder Daniż Christian Eriksen jidher li qed jirrispondi għall-kura li qed tingħatalu fil-Parken Stadion ta’ Copenhagen wara li l-plejer ikkollassa fil-grawnd waqt il-logħba Danimarka – Finlandja.

Christian Eriksen deher jikkollassa fit-43 minuta meta waħdu waqa’ minn tulu fl-art f’dak li deher attakk tal-qalb. Wara mumenti ta’ tensjoni, fejn it-tobba u l-fiżjoterapisti tat-tim nazzjonali Daniż taw l-attenzjoni kollha possibbli lil Eriksen, huwa inħareġ mill-istadium f’sensih, iżomm rasu u bil-maskla tal-ossiġnu ma’ wiċċu.

Christian Eriksen ġie ttrasferit għal sptar f’Copenhagen, filwaqt li l-UEFA qed tiddikjara li l-kundizzjoni tiegħu hija stabbli. Barra l-UEFA, anke l-Federazzjoni Daniża tal-Futbol ikkonfermat li Eriksen jinsab l-isptar imqajjem, u bħalissa qed isirulu t-testijiet neċessarji.

Il-partitarji Daniżi u Finlandiżi bdew ikantaw isem Christian Eriksen fl-istadium waqt li kienu qed jistennew ir-riżultat mil-laqgħa t’emerġenza bejn il-partijiet kollha dwar x’ser jiġri minn dan il-konfront. Il-logħba ser titkompla fit-20:30.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA