Euro2020
Euro 2020 – Grupp B: Doppjetta ta’ Lukaku twitti t-triq għar-rebħa Belġjana fuq ir-Russja

Euro 2020 – Grupp B

Belġju  3-0  Russja

Il-Belġjani stennew biss għaxar minuti biex fetħu l-iskor f’dan il-konfront. Kien Mertens li għadda ballun bi cross lejn Romelu Lukaku, li min-naħa tiegħu ma żbaljax u tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper għal 1-0. Malli Lukaku skorja, u dan kien is-sitt gowl tiegħu fl-aħħar tmien logħbiet għal pajjiżu, huwa ġera lejn il-kamera u ddedika l-gowl lil sieħbu fl-istess tim t’Inter, Christian Eriksen.

Reazzjoni mir-Russja fl-14-il minuta. Il-corner ta’ Golovin wasal għand Fernandes li bir-ras ipponta lejn il-lasta imma Courtois ma kellux problema jsalva. Fit-22 minuta l-Belġjani kienu sfortunati li ma rduppjawx meta Thorgan Hazard ixxuttja, imma l-goalkeeper Shunin kien attent biex tajjar il-periklu. Imma fl-34 minuta Shunin ma seta’ jagħmel xejn ħlief li jiġbor il-ballun mix-xibka wara li l-Belġju skurjaw it-tieni. Kien il-cross ta’ Thorgan Hazard, b’Shunin itajjar sa Thomas Meunier li b’saqajh aċċetta r-rigal u tefa’ fix-xibka għal 2-0.

Lejn tmiem l-ewwel taqsima r-Russi kellhom l-għajta għall-penalty imma wara li l-azzjoni kienet iċċekkjata bil-VAR, id-deċiżjoni tar-referee kienet ikkonfermata li ma jingħatax penalty.

It-tieni taqsima kienet waħda bla storja. Il-Belġjani kienu kuntenti biż-żewġ gowls vantaġġ filwaqt li r-Russi kienu foqra fl-ideat u fil-logħob tagħhom u xejn ma nkwetat lill-avversarji. Kollox deher li l-konfront kien ser jintemm 2-0 favur il-Belġju sakemm Romelu Lukaku skorja ieħor. Kienu għaddew 88 minuta u għal darb’oħra Meunier pprovda l-assist lejn il-plejer t’Inter, li ma żbaljax biex tefa’ fix-xibka u skorja t-tieni personali u t-tielet għall-Belġju.

Il-logħba ntemmet 3-0 favur il-Belġju u kienet ikkontrollata mir-referee Antonio Mateu Lahoz mill-Federazzjoni Spanjola.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.