Euro2020
EURO 2020 – Emerson mistenni jieħu post Spinazzola fid-difiża, bl-Italja tħares lejn il-finali

Mhuwiex soltu li meta jweġġa’ difensur laterali tinħoloq daqstant aspettattiva fuq min ser jeħodlu postu. Imma mhux l-istess jista’ jingħad għal min illejla ser jieħu post id-difensur Leonardo Spinazzola li weġġa’ fil-logħba tal-Italja kontra l-Belġju fil-kwartifinali tal-EURO 2020.

S’issa l-Italja kellhom edizzjoni mill-aqwa, rebħu ħamsa minn ħamsa, u l-uniku logħba fejn dehru li setgħu kienu taħt pressjoni kienet kontra l-Awstrija fir-Round tas-16 meta l-logħba ntrebħet fil-ħin barrani. S’issa, id-difiża Taljana kienet b’saħħitha ħafna, tant li fil-logħbiet kollha f’din l-edizzjoni, l-Italja qalgħet biss żewġ gowls. Barra minn hekk, bir-rebħa fuq il-Belġju, it-tim Taljan estenda r-rekord ta’ mingħajr telfa għal 32 logħba.

Fil-kwartifinali kontra l-Belġju, kien Emerson Palmieri li ħa post Spinazzola malli dan weġġa’. B’hekk kibret l-ispekulazzjoni li għal-lejla, Roberto Mancini ser jgħajjat lill-istess plejer sabiex jibda mal-ewwel ħdax, u jieħu post wieħed mill-aqwa difensuri li kellha l-Italja matul din l-edizzjoni. Emerson kien jidher li ser ikun l-għażla naturali għal dik il-pożizzjoni laterali, għaliex fl-aħħar xhur saħansitra beda fit-tim fil-logħbiet tal-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022. Biss, il-wirjiet ta’ Spinazzola fl-aħħar ġimgħat ikkonvinċew lil Mancini sabiex jagħżel lill-plejer ta’ Roma u mhux ta’ Chelsea.

Jekk kemm-il darba Emerson Palmieri jibda l-logħba tal-lejla, ser ikollu aktar ċans li juri x’jaf, meta diversi rapporti fil-midja qed jgħidu li jrid jitlaq lil Chelsea wara li ma sabx postu fit-tim ta’ Londra.

Il-logħba tal-lejla tibda fid-21:00 u tintwera diretta fuq TVM2. Il-konfront ser jintlagħab f’Wembley Stadium u ser ikun ikkontrollat minn Felix Brych mill-Federazzjoni Ġermaniża.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA