Euro2020
EURO 2020 – Eriksen jispiċċa mal-art fil-logħba Danimarka – Finlandja

Xeni xejn sbieħ mill-Parken Stadion ta’ Copenhagen hekk kif il-midfielder tad-Danimarka Christian Eriksen waqa’ minn tulu fl-art waħdu fl-43 minuta. Eriksen kien qiegħed joqrob lejn il-linja laterali sabiex jirċievi ballun minn thrown-in x’ħin deher jaqa’ fl-art minn tulu.

Malli l-plejers indunaw b’li ġralu Eriksen mill-ewwel għajtu lit-tobba u l-fiżjoterapisti Daniżi u daru mal-midfielder. Kienu diversi l-plejers li dehru bid-dmugħ f’għajnejhom u ma jistgħux jemmnu dak li kienu qed jesperjenzaw.

Minbarra l-plejers, kemm l-uffiċjali tal-logħba u anke dawk kollha li kienu fil-grawnd dehru maħsuda b’dak li kienu qed jaraw iseħħ quddiemhom. Magħhom kien hemm il-mara t’Eriksen, Sabrina Kvist li dehret tibki mat-touchline, bil-captain Kjaer u l-goalkeeper Schmeichel isabbruha.

Wara minuti ta’ tensjoni l-plejer t’Inter inħareġ mill-grawnd. Christian Eriksen deher ħiereġ mill-grawnd fuq stretcher bl-ossiġnu ma’ ħalqu u għajnejh dehru miftuħin.

Il-UEFA ħabbret li l-logħba ġiet sospiża filwaqt li l-plejers u l-uffiċjali tal-logħba rritornaw lura fid-dressing room.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA