Euro2020
Euro 2020 – Grupp B: Il-Finlandja tegħleb lid-Danimarka f’Copenhagen

Euro 2020

Grupp B – minn Copenhagen

Danimarka  0-1  Finlandja

Xokk fil-logħba bejn id-Danimarka u l-Finlandja hekk kif fit-43 minuta, il-midfielder Christian Eriksen deher jikkollassa waħdu fil-grawnd. Eriksen, li għandu 29 sena, kien qiegħed joqrob lejn il-linja laterali sabiex jirċievi ballun minn thrown-in x’ħin deher jaqa’ fl-art minn tulu.

Malli l-plejers indunaw b’li ġralu Eriksen mill-ewwel għajtu lit-tobba u l-fiżjoterapisti Daniżi u daru mal-midfielder. Kien id-difensur u captain Simon Kjaer li deher jagħti l-ewwel għajnuna lil sieħbu sakemm waslu t-tobba, filwaqt li numru ta’ plejers dehru bid-dmugħ f’għajnejhom u ma jistgħux jemmnu dak li kienu qed jesperjenzaw.

Ir-referee Ingliż Anthony Taylor waqqaf il-logħba malli nduna x’kien qed jiġri, bl-uffiċjali mediċi taw ic-CPR u użaw id-difibrillatur sabiex jagħtu l-ewwel għajnuna lil Eriksen. Il-logħba li kienet sospiża għal siegħa u tliet kwarti tkompliet fit-20:30, bl-4 minuti li kien fadal tal-ewwel taqsima, u wara waqfa qasira ta’ ħames minuti bdiet it-tieni taqsima.

Ħarsa lejn il-logħba nnifisha, bl-ewwel azzjoni tasal wara 7 minuti meta Wind venven xutt minn tarf il-kaxxa li iżda kien milqugħ minn Hradecky. Il-goalkeeper Finlandiż reġa’ ssejjaħ fl-azzjoni mal-kwarta logħob meta Hojbjerg indirzza bir-ras lejn ix-xibka imma Hradecky laqa’ l-ballun. Fit-18-il minuta Hradecky reġa’ kellu jkun attent, din id-darba biex tajjar ix-xutt t’Eriksen.

Il-Finlandiżi marru minn fuq mas-siegħa logħob meta d-daqqa ta’ ras ta’ Joel Pohjanpalo ma kenitx milqugħa tajjeb minn Schmeichel, bil-ballun jinbaram għal ġewwa għal 1-0.

Fit-73 minuta d-Daniżi ngħataw penalty wara li Arajuuri waqqa’ lil Poulsen fil-kaxxa. Mill-11-il metru Hojbjerg ra lill-goalkeeper avversarju jsalvalu minn mal-art.

Għalkemm id-Daniżi baqgħu jippruvaw iġibu l-iskor indaqs, il-Finlandiżi għalqu tajjeb u rebħu l-ewwel logħba li qatt lagħbu fil-Kampjonati Ewropej.

Żgur li għad-Daniżi t-tkomplija tal-logħba xejn ma kienet faċli wara dak li seħħ lil Christian Eriksen, biss issa jridu jaħdmu qatigħ fiż-żewġ logħbiet li jmiss jekk iridu jagħmluha mill-grupp.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.