Euro2020
EURO 2020 – Grupp F: Sal-lejla kull tim ikun lagħab logħba waħda … stennija għal Franza – Ġermanja

Ungerija – Portugall (18:00)

Skont il-kowċ tat-tim nazzjonali Ungeriż Marco Rossi, it-tim irid ikun magħqud, iddixxiplinat u forsi xi ftit fortunat ukoll jekk irid jieħu t-tliet punti mill-ewwel logħba tal-grupp.

Wara tletin sena ‘l bogħod minn kompetizzjonijiet maġġuri, din hija t-tieni darba konsekuttiva li l-Ungeriżi qed jieħdu sehem fil-Kampjonati Ewropej. Mistoqsi mill-ġurnalisti liema huwa l-aktar plejer Portugiż li jbeżżgħu, Marco Rossi nfaqa’ jidħak u qal li jista’ jsemmi lit-tim kollu. Qal li ma jkunx ġust għall-plejers l-oħra jekk isemmi plejer wieħed.

L-Ungerija u l-Portugall diġà ltaqgħu fil-fażi tal-gruppi fl-edizzjoni li għaddiet, f’logħba mill-isbaħ fejn l-Ungeriżi kienu minn fuq tliet darbiet, bil-Portugiżi jiġu minn wara kull darba. Fl-edizzjoni li għaddiet l-Ungerija kienet temmet fil-quċċata tal-grupp, imbagħad tilfet kontra l-Belġju fir-Round tas-16.

Wieħed mill-fatturi li jista’ jkun favur l-Ungerija hu li l-Puskas Arena ser tkun mimlija kollha, l-uniku stadium li jista’ jdaħħal lil kulħadd f’din l-edizzjoni.

Min-naħa l-oħra, il-captain Portugiż Cristiano Ronaldo qal li mhumiex jinkwetaw li jitilfu aktar plejers minħabba l-Covid-19. Dan wara li Joao Cancelo kellu jħalli lit-tim minħabba li nstab pożittiv għall-coronavirus. Cancelo kellu staġun mill-aqwa ma’ Manchester City u kien wieħed mill-aħjar plejers fir-rebħa ta’ 4-0 f’logħba ta’ ħbiberija kontra Iżrael il-ġimgħa li għaddiet.

Għal Ronaldo dan ser ikun id-disa’ turnew maġġuri, u s’issa skorja 104 gowls għal pajjiżu, ħamsa biss ‘ il bogħod mill-attakkant Iranjan Ali Daei, li huwa l-aqwa skorer fid-dinja ta’ kull żmien.

 

Franza – Ġermanja (21:00)

Il-kowċ Franċiż Didier Deschamps qal li mhumiex biss il-Franċiżi li għandhom attakk b’saħħtu, għax il-Ġermaniżi mhumiex b’inqas. Franza tilgħab l-ewwel logħba ta’ Grupp F fl-Allianz Arena ta’ Munich kontra l-Ġermanja, b’ħafna kritiċi qed jgħidu li Les Blues jistgħu jirbħu din l-edizzjoni. Huma ħafna li qed isemmu l-qawwa fl-attakk li għandhom il-Franċiżi, imma Deschamps qal li jinsab xi ftit inkwetat mill-attakkanti Ġermaniżi li jistgħu joħolqu diversi problemi lid-difiża tiegħu.

Fit-Tazza tad-Dinja ta’ tliet snin ilu l-Franċiżi kienu bdew fuq sieq waħda, imma finalment kienu rebħu l-unur fir-Russja.

Min-naħa l-oħra l-Ġermaniżi mhumiex jaċċettaw li huma l-underdogs f’dan il-konfront. Skont Joachim Loew, iridu jagħmlu ċert li jpattu għad-diżappunt tat-Tazza tad-Dinja tliet snin ilu.

Il-Ġermaniżi ser jilagħbu l-logħob kollu tagħhom fl-Allianz Arena u llejla ser ikun hemm madwar 14,000 persuna fl-istadium. Dan huwa l-aħħar turnew għal Joachim Loew wara 15-il sena fit-tmun tal-Ġermanja.

 

Iż-żewġ logħbiet jintwerew diretti fuq TVM2, fi programm speċjali li jibda mill-17:00 ‘l quddiem.

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA