Euro2020
EURO 2020 – Id-Danimarka lesta biex tattakka lill-Ingilterra fis-semifinali

Illejla d-Danimarka tilgħab kontra l-Ingilterra fit-tieni semifinali tal-EURO 2020, bit-tama li l-Ħadd li ġej taffronta lill-Italja fil-finali. Għalkemm id-Daniżi mhumiex il-favoriti għas-semifinali tal-lejla kontra l-Ingilterra, il-kowċ Kasper Hjumland ma jridx li t-tim tiegħu jissejjaħ underdog. Skont Hjumland, il-plejers lesti biex jattakkaw u jieħdu kull ċans kontra l-Ingilterra.

Din l-edizzjoni kienet waħda emozzjonanti għall-aħħar għad-Danimarka. Bidu xejn feliċi fil-fażi tal-gruppi meta fl-ewwel logħba kontra l-Finlandja nqala’ l-każ ta’ Christian Eriksen, u dakinhar id-Daniżi ħarġu telliefa. Mill-grupp rebħu biss kontra r-Russja u rnexxilhom jgħaddu bi 3 punti mit-tieni post, imma mbagħad donnu ġew f’tagħhom fir-Round tas-16 kontra Wales, u fil-kwartifinali għelbu lir-Repubblika Ċeka.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġurnata qabel il-logħba, Kasper Hjumland għamilha ċara li l-plejers ma kienux ser jintefgħu jiddefendu u jittamaw li ma jaqilgħux gowl. Qal li l-pjan tagħhom hu li jattakkaw lid-difiża Ingliża, bit-tama li jkunu l-ewwel tim li jinfed il-lasta ta’ Jordan Pickford.

Jekk kemm-il darba d-Danimarka tasal sal-finali, għal Hjumland tkun il-quċċata tal-karriera tiegħu bħala kowċ. Qal li bħala plejer qatt ma rnexxielu jasal għal tragward simili, u jekk jasal għalih bħala kowċ, ikun laħaq il-quċċata tas-suċċess.

Kasper Hjumland ikkonferma wkoll li l-fatt li l-qagħda ta’ Christian Eriksen marret għall-aħjar u issa jinsab jirkupra u jistrieħ mal-familja, għenet lit-tim mentalment, u issa qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jibqgħu javvanzaw għalih.

Il-logħba tal-lejla kontra l-Ingilterra ser tibda fid-21:00 f’Wembley Stadium u tintwera diretta fuq TVM2. Ir-referee Olandiż Danny Makkelie.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA