Futbol internazzjonali
EURO 2020 – Il-Belġjani jistennew dwar il-kundizzjoni ta’ De Bruyne u Eden Hazard

Stennija mill-Belġju u l-kowċ Roberto Martinez dwar il-kundizzjoni fiżika ta’ Kevin De Bruyne u Eden Hazard qabel il-logħba t’għada kontra l-Italja fil-kwartifinali tal-EURO 2020.

Thorgan Hazard poġġa lill-Belġju fil-kwartifinali bil-gowl tiegħu kontra l-Portugall, biex b’hekk il-Belġjani jridu jivvjaġġaw lejn Munich biex jiltaqgħu mat-Taljani.

Kontra l-Portugiżi, De Bruyne kellu jinbidel kmieni fit-tieni taqsima b’daqqa fl-għaksa, filwaqt li l-captain Belġjan Hazard kellu jinbidel lejn tmiem il-konfront minħabba li weġġa’ l-hamstring.

La De Bruyne u lanqas Eden Hazard ma tħarrġu ma’ sħabhom matul il-ġurnata tal-Erbgħa, bit-tobba tat-tim jinsabu f’tellieqa kontra l-ħin sabiex it-tnejn li huma jilagħbu kontra l-Italja għada.

Il-kowċ Martinez diġà għamilha ċara li anke jekk jilagħbu fil-konfront, l-ebda plejer mhu ser ikun fl-aqwa kundizzjoni, u diġà beda jaħseb min jistgħu jkunu l-plejers li jieħdu post De Bruyne u Hazard. Probabbli Martinez imur għal Yannick Carrasco biex jieħu post Eden Hazard, filwaqt li Dries Mertens jilgħab minflok De Bruyne.

S’issa l-Belġjani rebħu l-erba’ logħbiet li lagħbu f’din l-edizzjoni, u fi tlieta minnhom il-lasti ta’ Courtois baqgħu intatti. Min-naħa l-oħra, anke l-Italja għaddejjha minn mument tajjeb ħafna, b’rekord ta’ 31 logħba mingħajr telfa. L-inkwiet għall-Italja huwa l-attakkant Romelu Lukaku li fl-istaġun li għadda rebaħ l-iScudetto m’Inter, u f’din l-edizzjoni diġà skorja tliet gowls.

Il-kwartifinali bejn il-Belġju u l-Italja tibda fid-21:00 fl-Allianz Stadium ta’ Munich u tintwera diretta fuq TVM2. Il-logħba ser tkun ikkontrollata mir-referee Slavko Vinčić mill-Federazzjoni tal-Islovenja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA