Euro2020
EURO 2020 – Il-Federazzjoni tal-Futbol Russu tkeċċi lill-kowċ Stanislav Cherchesov

Il-Federazzjoni tal-Futbol Russu keċċiet lill-kowċ Stanislav Cherchesov wara turnew diżappuntanti tal-EURO 2020.  Ir-Russja spiċċat fl-aħħar post ta’ Grupp B bi 3 punti.

L-uniku rebħam tar-Russja waslet kontra l-Finlandja, rebħa minima ta’ 1-0, biż-żewġ logħbiet l-oħra jsarrfu f’telfiet pjuttost kbar, 0-3 kontra l-Belġju u 1-4 kontra d-Danimarka. Tnejn mit-tliet logħbiet intlagħbu f’San Pietruburgu, ir-Russja stess.

Il-Federazzjoni Russa kienet qed tittama li għallinqas it-tim jasal sal-fażi tan-knockout sabiex ikomplu jibnu fuq is-suċċess miksub fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2018, fejn ir-Russja kienet eliminata fil-kwartifinali.

Uffiċjali tal-Federazzjoni qed jgħidu li l-bidla mhux fil-kowċ biss trid issir, imma f’diversi persuni tekniċi li jaħdmu mat-tim nazzjonali. Bħalissa l-Federazzjoni bdiet tfittex kandidat ġdid li jista’ jieħu post Cherchesov sabiex jipprepara lit-tim għal-logħob ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022.

Stanislav Cherchesov kien ilu jmexxi lit-tim nazzjonali Russu minn Awwissu 2016.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA