Futbol internazzjonali
EURO 2020 – Il-Ministru tal-Intern Ġermaniż jakkuża lill-UEFA b’att irresponsabbli

Il-Ministru tal-Intern Ġermaniż Horst Seehofer qal li d-deċiżjoni tal-UEFA li tħalli folol kbar jattendu għal-logħob tal-EURO 2020 huwa “att irresponsabbli,” fid-dawl ta’ kif il-varjant Delta tal-Covid-19 qed jinfirex.

Skont Seehofer, jidher ċar li l-UEFA kienet immexxija mill-kunsiderazzjonijiet kummerċjali, li ġew qabel is-saħħa tal-bniedem. Qal li huwa inevitabbli li fis-semifinali u l-finali tal-Wembley, fejn ser jiddaħħlu mas-60,000 spettatur, ser ikun hemm tixrid qawwi tal-varjant Delta.

Mal-2,000 partitarju Skoċċiż li kienu Wembley isegwu lit-tim ta’ pajjiżhom kontra l-Ingilterra, għandhom il-Covid-19, l-istess kif ġralhom 300 partitarju Finlandiż li marru jissapportjaw lil pajjiżhom.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-awtoritajiet Russi tefgħu t-tort fuq il-varjant Delta, għaż-żjieda qawwija ta’ każijiet u mwiet fi bliet Russi, fosthom San Pietruburgu, fejn ser tintlagħab waħda mill-kwartifinali.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA