Euro2020
EURO 2020 – It-Taljani mhux ser jibdlu t-tattika kontra l-Belġjani

Il-kowċ Taljan Roberto Mancini qal li t-tim tiegħu mhu ser jibdel xejn mit-tattika li kien qed juża’ fl-aħħar logħbiet meta llejla jaffaċċja lill-Belġju fil-kwartifinali tal-EURO 2020.

It-Taljani qalgħu l-ewwel gowl ta’ din l-edizzjoni fil-logħba tar-Round tas-16 kontra l-Awstrija, li ntemmet 2-1 favur l-Azzurri. Sa dakinhar, l-Italja kienet ilha 19-il siegħa u 28 minuta mingħajr ma ssofri gowl. Fl-attakk it-Taljani wkoll qegħdin tajjeb, b’disa’ gowls skurjati fl-erba’ logħbiet li lagħbu fl-EURO 2020.

Il-logħba tal-lejla kontra l-Belġju ser tlaqqagħhom kontra tim li mhux biss jinsab fl-ewwel post fir-rankings tal-FIFA, imma dawn ukoll rebħu l-erba’ logħbiet li lagħbu f’dan it-turnew. Biss Mancini qal, li għalkemm ser jilagħbu kontra oppożizzjoni b’saħħitha, il-plejers mhux ser ikunu aktar konservattivi.

Skont Mancini, it-tim li jagħmel l-inqas żbalji ser joħroġ rebbieħ fil-logħba tal-lejla. Fl-Allianz Arena ta’ Munich, il-Belġjani mistennija jkollhom lil Romelu Lukaku fuq l-attakk, li wara staġun impressjonanti m’Inter, fejn anke rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tas-Serie A, żgur ser ikun t’uġigħ ta’ ras għad-difiża Taljana.

Jidher li d-difensur Giorgio Chiellini ser ikun qed jimmarka lil Lukaku. Biss Chiellini qal li ma jkunx ġust għat-tim Belġjan li jissemma’ plejer wieħed meta hemm numru ta’ plejers ta’ livell. Fil-preżent Chiellini jinsab bla kuntratt, imma qal li mhuwiex jinkwieta dwar l-istaġun li ġej, għax għalissa fuq moħħu għandu l-logħba tal-lejla.

Il-logħba tibda fid-21:00 u tintwera diretta fuq TVM2.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA