Euro2020
EURO 2020 – It-tim Taljan idur mat-toroq ta’ Ruma bit-trofew mirbuħ il-Ħadd li għadda

Iċ-champions tal-EURO 2020, issorprendew lil numru kbir ta’ partitarji meta telgħu fuq open top bus u daru madwar it-toroq fiċ-ċentru ta’ Ruma.

Wara 18-il xahar ta’ pandemija, fejn l-Italja kienet wieħed mill-pajjiżi Ewropej li laqqatha sew, l-aħħar ġimgħat niżlu bħal balzmu, u l-Ħadd li għadda rebħu t-tazza għat-tieni darba fl-istorja sa mill-1968.

It-Tnejn waranofsinhar, it-tim ta’ Roberto Mancini kien il-mistieden speċjali fil-Palazz Quirinale tal-President Taljan Sergio Mattarella. Minn hemm, il-plejers kellhom imorru għal laqgħa mal-Prim Ministru Taljan Mario Draghi, fejn inqalbu wkoll il-pjanijiet oriġinali, bit-tim kollu jitla’ fuq open top bus li għaddiet minn Via del Corso sa Piazza Venezia.

Kienu eluf dawk li ħarġu fit-toroq biex jaraw lill-plejers eroj tagħhom bit-tazza ta’ champions tal-EURO 2020.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA