Euro2020
EURO 2020 – L-Ingilterra tittama li tasal sal-finali tal-Kampjonati Ewropej għall-ewwel darba fl-istorja

Illejla, l-Ingilterra ser tilgħab kontra d-Danimarka f’Wembley Stadium, f’semifinali importanti għaliex l-Ingliżi qed jittamaw li għall-ewwel darba fl-istorja tal-pajjiż jaslu sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni.

Skont il-manager Gareth Southgate, it-tim nazzjonali Ingliż mexa ħafna ‘l quddiem fl-aħħar snin, u t-tim żagħżugħ jista’ jikteb l-istorja tal-pajjiż kontra d-Danimarka.

L-Ingilterra lagħbet f’din il-fażi fl-1996, meta inċidentalment fl-istess stadium, Gareth Southgate kien falla wieħed mill-penalties kontra l-Ġermanja. Biss, minn mindu Southgate ħa t-tmexxija tat-tim f’idejh, irnexxielu jwassalhom sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja u tan-Nations League, biss issa jrid li jmur pass aktar u jwassal lil pajjiżu sal-finali.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet lejlet il-logħba, Southgate ammetta li d-Danimarka taf tagħmilha diffiċli għaliex matul il-logħba tinbidel ħafna l-formazzjoni tal-plejers fil-grawnd, imma qal ukoll li jemmen li l-plejers tiegħu huma intelliġenti biżżejjed biex jadattaw malajr għal kull tattika.

Jidher li l-Ingilterra ser tkun qiegħda ssellem lil Christian Eriksen qabel jibda l-konfront, u l-captain Harry Kane qal li l-ex kollega tiegħu ma’ Tottenham Hotspur dejjem kellu post f’qalbu. Kane qal li Eriksen u hu baqgħu ħbieb, anke meta d-Daniż mar jilgħab m’Inter. Stqarr li hija ħasra li fis-semifinali ma jistgħux jilagħbu kontra xulxin.

Il-logħba tal-lejla ser tintlagħab f’Wembley Stadium u ser tkun ikkontrollata mir-referee Olandiż Danny Makkelie. Il-logħba tibda fid-21:00 u tintwera diretta fuq TVM2.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA