Euro2020
EURO 2020 – L-Iżvizzeri għatxana għas-suċċess … l-Ispanjoli jittamaw li jkomplu jiskurjaw

Il-kowċ Żvizzeru Vladimir Petkovic jinsab kunfidenti li t-tim tiegħu jista’ jagħmilha għas-semifinali għax il-plejers għandhom ‘l-għatx għas-suċċess.’ L-Iżvizzera ser taffaċċja lil Spanja fil-kwartifinali f’San Pietruburgu.

L-Iżvizzeri ħasdu lill-Franċiżi fir-Round tas-16, meta wara li kienu 3-1 minn taħt, irnexxilhom iġibu d-draw sad-90 minuta, u finalment rebħu bl-għoti tal-penalties.

Il-kowċ Petkovic qal li bħala tim jemmnu ħafna fil-proġett tagħhom, imma jridu jirrispettaw lill-avversarji kif għamlu kontra Franza. Qal li l-Ispanjoli huma oppożizzjoni b’saħħitha ħafna, tant li f’żewġ logħbiet skurjaw għaxar gowls.

Għall-Ispanjoli, ir-rebħa fuq il-Kroati fil-ħin barrani kienet l-ewwel waħda fil-fażi tan-knockout sa mill-2012. U għalkemm fl-ewwel żewġ logħbiet tal-grupp skurjaw gowl wieħed, illum huma l-aktar tim li skorja gowl fil-kompetizzjoni, ħdax b’kollox.

Għal Spanja t-tama hi li l-attakk jagħraf jisfrutta d-difetti tad-difiża Żvizzera li f’erba’ logħbiet dabbret tmien gowls.

Il-logħba bejn Żvizzera u Spanja ser tkun l-ewwel kwartifinali tal-EURO 2020 u tintlagħab fis-18:00. Il-logħba ser tkun ikkontrollata mir-referee Ingliż Michael Oliver.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA