Euro2020
EURO 2020 – Luis Enrique jgħid li din hija esperjenza għall-plejers żgħażagħ tat-tim Spanjol

F’konferenza tal-aħbarijiet ġurnata qabel il-logħba, il-kowċ Spanjol Luis Enrique qal li l-fatt li t-tim wasal sas-semifinali tal-EURO 2020, hija esperjenza għall-plejers żgħażagħ.

Enrique qal li t-tim mhuwiex wieħed t’esperjenza għax hemm numru ta’ plejers żgħar. Skont il-kowċ Spanjol, it-tim kien ħaqqu jgħaddi għas-semifinali qabel il-logħba kontra l-Iżvizzera marret għall-għoti tal-penalties.

Spanja kellha titħabat biex għelbet lill-Iżvizzera b’għaxar plejers, u Luis Enrique jrid jerġa’ jsib il-formula li biha t-tim kien għeleb lill-Islovakkja f’rebħa kbira ta’ 5-0. Dan kien turnew diffiċli għall-Ispanjoli, wara li fl-ewwel żewġ logħbiet tal-grupp ħadu biss 2 punti u skurjaw gowl wieħed biss. Fir-Round tas-16 kellhom imorru sal-ħin barrani biex għelbu lill-Kroazja 5-3, u fil-kwartifinali saħansitra kellhom jibqgħu sejrin sal-għoti tal-penalties.

It-tim Spanjol kellu l-aħħar sessjoni ta’ taħriġ f’Las Rozas, fil-kapitali Madrid, qabel il-kontinġent qabad ajruplan għal Londra.

Illejla, Spanja tilgħab kontra l-Italja fis-semifinali tal-EURO 2020, logħba li tibda fid-21:00 u tintwera diretta fuq TVM2.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA