Euro2020
EURO 2020 – Mal-1,000 partitarju Taljan ser jagħmlu l-vjaġġ lejn Londra għall-finali tal-Ħadd

Mal-1,000 partitarju Taljan mistennija jivvjaġġaw bejn l-Italja u l-Ingilterra biex isegwu lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom. Dan wara li l-Ministri tal-Gvern Ingliż irrilaxxaw xi ftit il-miżuri sabiex iħallu lill-partitarji jattendu għall-finali tal-EURO 2020.

Il-Gvern Ingliż laħaq ftehim mal-UEFA aktar kmieni din il-ġimgħa, sabiex partitarji li jkollhom biljett għall-finali, ikunu jistgħu jattendu mingħajr ma joqgħodu kwarantina qabel.

Il-Federazzjoni Taljana tal-Futbol qed tbigħ il-biljetti għas-somma ta’ €610 kull wieħed, u l-partitarji ser ikunu assenjati l-lukanda u trasport privat li jwassalhom sal-istadium ta’ Wembley.

Dan ir-rilaxx ta’ miżuri minħabba l-finali ġab għadab fost ħafna Ingliżi, minħabba l-biża’ li ser tiżdied l-inċidenza t’infezzjonijiet tal-Covid-19. Jidher li fl-aħħar sigħat kien hemm tliet ġurnalisti Taljani li rriżultaw pożittivi għall-coronavirus. Filwaqt li wieħed minnhom jinsab f’Firenze, it-tnejn l-oħra għadhom Londra. Wieħed mill-ġurnalisti huwa Alberto Rimedio, li skont is-sit tal-aħbarijiet Taljan Ansa, ser jinbidel għall-finali tal-Ħadd li ġej. Il-ġurnalisti rriżultaw pożittivi ftit tas-sigħat wara li ntemmet is-semifinali bejn l-Italja u Spanja.

Skont il-ġurnal Ingliż ‘The Guardian,’ il-partitarji VIP Taljani mhux ser ikollhom daqstant restrizzjonijiet biex jidħlu fl-istadium u jistgħu jqattgħu sa ġimgħa sħiħa Londra, jekk ser jattendu attivitajiet relatati mal-EURO 2020. Jekk ikunu ser jattendu attivitajiet oħra li m’għandhomx relazzjoni mal-Kampjonati Ewropej, allura jkollhom joqgħodu kwarantina.

Bħalissa fir-Renju Unit, l-aktar fl-Ingilterra, hemm inkwiet serju li l-każijiet ta’ Covid-19 ser jerġgħu jisplodu ‘l fuq wara li eluf ta’ partitarji Ingliżi ħarġu jiċċelebraw bil-kbir wara r-rebħa fis-semifinali kontra d-Danimarka. Informazzjoni medika li nġabret mill-Ingilterra, l-Iskozja u Wales, uriet kif kien hemm aktar każijiet ta’ Covid-19 sa 10 ijiem wara l-ewwel logħbiet tat-timijiet fl-EURO 2020.

Skont il-Professur Mediku Paul Hunter, mill-Università ta’ East Anglia, il-każijiet fl-Iskozja u Wales reġgħu bdew neżlin, u dan minħabba li t-timijiet ilhom ftit jiem li ġew eliminati mill-Kampjonjati Ewropej. Min-naħa l-oħra, it-tim nazzjonali Ingliż ser jilgħab fil-finali u jekk kemm-il darba l-Ingilterra toħroġ rebbieħa fil-finali, wieħed jista’ biss jimmaġina x’ser jiġri.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA