Euro2020
EURO 2020 – Rebħa drammatika fuq il-Polonja u Żvezja jirbħu Grupp E

Grupp E – F’St Petersburg: Żvezja – Polonja 3-2

Bl-aktar mod drammatiku Żvezja rebħu Grupp E wara li f’St.Petersburg għelbu lil Polonja 3-2.

Żvezja fil-vantaġġ fit-tieni minuta b’xutt djagonali ta’ Emil Forsberg, reazzjoni Pollakka kienet tajba b’diversi okkażjonijiet fosthom xutt mill-isbaħ ta’ Piotr Zielinski qabel il-mistrieħ, joħroġ l-aqwa tal-gowlkiper Żvediz Robin Olsen.

Tieni taqsima Żvezja rduppjaw fid-disgħa u ħamsin minuta meta Emil Forsberg għaqqad id-doppjetta personali b’xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa.

Żewġ minuti wara ħarġet il-bravura tal-attakkant Robert Lewandowski li bi ġmiel ta’ xutt bid-dawra reġa daħħal lill-pajjiżu fil-konfront, doppjetta għall-attakkant ta’ Bayern Munich fl-erbgħa u tmenin minuta, gowls li iżda ma’ swew għalxejn, għaliex erba’ minuti fuq il-ħin Viktor Claesson skorja l-gowl tar-rebħa għa-Nordiċi.

Il-Polonja jirritornaw lura d-dar, f’St. Petersburg skor finali f’partita kumbattuta, Żvezja tlieta, Polonja tnejn.

2′ Emil Forsberg 1-0

59′ Emil Forsberg 2-0

61′ Robert Lewandowski 2-1

84′ Robert Lewandowski 2-2

90′ +4 Viktor Claesson 3-2

Miktub minn...
Rodney Vassallo