Ewropew U/17 – L-Ingilterra telimina lil Italja u tikkwalifika għal Malta 2014

Kampjonat Ewropew għat-Timijiet Nazzjonali taħt is-sbatax-il sena: magħrufa t-tmien timijiet fil-fażi finali li se ssir f’Malta bejn id-9 u l-21 ta’ Mejju.

Ma’ Malta bħala l-pajjiż ospitu, u mal-Olanda, l-Iskozja, u t-Turkija, li kienu kkwalifikaw diġa’, fil-polza tad-9 t’April illum daħlu wkoll l-Isvizzera, l-Ġermanja, il-Portugall, u l-Ingilterra.

L-Ingilterra avvanzaw għat-tournament finali wara li fil-logħba deċiżiva għal Grupp 4 għelbu lil Italja 2-1.

It-Taljani, li riedu bilfors rebħa, b’hekk huma eliminati.

Fi Grupp 5 l-Ġermanja ġew draw 1-1 mas-Serbja biex għalkemm iż-żewġ timijiet spiċċaw punti ndaqs, il-Ġermaniżi għaddew b’differenza ta’ gowls aħjar.

L-Isvizzera rebħu Grupp 1 wara li għelbu lil Spanja 1-0. Il-Portugall spiċċaw b’punti massimi fi Grupp 7 b’rebħa ta’ 3-0 fuq l-Iżlanda.

B’hekk it-tmien nazzjonijiet li għamluha għal finali tal-Kampjonati Ewropej li se jsiru pajjiżna bejn id-9 u l-21 ta’ Mejju huma Malta bħala pajjiż li se jospita dawn il-logħob, it-Turkija, l-Iskozja, l-Ġermanja, l-Olanda, l-Isvizzera, l-Portugall u l-Ingilterra.

Miktub minn...
Rodney Vassallo