Futbol lokali
Hamrun Spartans champions tal-futbol Malti għat-tmien darba fl-Istorja

Hamrun Spartans huma ċ-Champions il-ġodda tal-futbol Malti għat-tmien darba fl-Istorja.

It-tmien titlu jasal wara stennija ta’ 30 sena. F’termini ta’ numri preċiżi, dan ifisser eżattament wara 10,960 ġurnata jew 1,565 ġimgħa jew 360 xahar.

Dan kien ikkonfermat ftit tal-minuti ilu fil-laqgħa virtwali tal-Eżekuttiv tal-Malta Football Association u li għadha għaddejja s’issa. Dien kienet il-11-il laqgħa tal-Eżekuttiv tal-MFA li fiha tħabbar ukoll li l-Assoċjazzjoni tilfet €2,000,000 minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Hamrun Spartans kienu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier, ħames punti fuq Hibernians, meta l-isport kollu fil-pajjiż twaqqaf minħabba ristrezzjonijiet diversi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Għaldaqstant, l-MFA ma kellhix għażla oħra ħlief li tirrispetta d-deċiżjoni tal-awtoritajiet u ddaħħal fis-seħħ ir-regolamenti li għaddew mill-Kunsill tal-MFA fis-sajf li għadda u li applikathom fil-laqgħa tal-Eżekuttiv li għaddejja bħalissa.

Ir-regolamenti jgħidu li jekk xi kampjonat jitwaqqaf u li fih kull tim ikun għad jonqsu inqas minn 25% tal-partiti x’jilgħab, il-klassifika tgħodd bħalha dik finali. Wara li kull tim lagħab it-23 ġurnata tal-kampjonat, il-matematika tindika li ntlagħab 76.66% tal-kampjonat u għaldaqstant kien għad jonqos x’jintlagħbu 23.34% tal-partiti.

Hamrun Spartans saħħew l-iskwadra fis-sajf li għadda minn meta l-imprenditur Joseph Portelli ħa f’idejh it-tmexxija tal-klabb u investa fl-aqwa plejers possibbli.

Qabel illum, l-aħħar ġurnata li Hamrun Spartans kienu kkonfermati Champions tal-futbol Malti kienet is-7 ta’ April 1991, taħt il-Presidenza ta’ Victor Tedesco.

Hamrun kienu diġà rebħu l-kampjonat matematikament sa qabel l-aħħar ġurnata iżda xorta kienu għelbu lil Rabat Ajax bi skor ta’ 3-2, bit-tliet gowls li ġew skurjati minn żewġ penalties tal-gowlkiper Ian Leigh u gowl ieħor ta’ Noel Fenech.

Il-formazzjoni tal-ewwel 11 ta’ dak iż-żmien kienet Ian Leigh, Brian Mundee, Alex Azzopardi, Marco Grech, Joe Brincat, Raymond Vella, Ivan Zammit, Noel Fenech (Julian Micallef), Emanuel Brincat (Gejtu Refalo), Michael Degiorgio, Stefan Sultana.

Il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien, il-President Emeritus Gorg Abela, kien ta t-trofew lil Hamrun Spartans eżattament kif intemmet il-partita.

Dak iż-żmien, il-kampjonat Premier kellu disa’ timijiet u Hamrun Spartans temmew fl-ewwel post b’24 punt f’ras il-klassifika wara 10 rebħiet, 4 draws u żewġ telfiet, li fissru ħames punti fuq Valletta.

Fi stqarrija li nħarġet iktar kmieni, Hamrun Spartans appellaw għal kawtela u r-responsabbiltà mill-partitarji tagħhom u biex kulħadd jirrispetta l-Liġijiet tal-pajjiż.

Miktub minn...
TVM Sport