Futbol internazzjonali
FA Cup – Chelsea, Tottenham H. u Manchester City fir-round li jmiss, Leeds UTD eliminati

Chelsea 4   Morecambe 0

Rebħa komda fi Stamford Bridge għal Chelsea meta għelbu lil Morecambe 4-0, b’żewġ gowls f’kull taqsima. Kien Mount li fetaħ l-iskor fit-18-il minuta u Werner għamilhom 2-0 fl-44 minuta. Hudson-Odoi skorja t-tielet fid-49 minuta, b’Havertz jagħlaq il-logħba bir-raba’ gowl fil-85 minuta.

Marine 0   Tottenham Hotspur 5

Tottenham Hotspur marru f’Rossett Park fi Crosby biex għelbu lil Marine bl-iskor konvinċenti ta’ 5-0. L-Ispurs għalqu l-logħba fl-ewwel taqsima b’Carlos Vinicius jiskorja hat-trick. Huwa skorja fl-24, fit-30 u fis-37 minuta, b’Lucas jiskorja t-tielet gowl fit-32 minuta. Devine għalaq il-logħba għal Tottenham bil-ħames gowl mas-siegħa logħob.

Crawley Town 3   Leeds UTD 0

Is-sorpriża tal-ġurnata waslet f’The People’s Pension Stadium meta Crawley Town eliminaw lil Leeds UTD bl-iskor ta’ 3-0. Crawley Town jilagħbu f’League Two fl-Ingilterra iżda fit-tielet round tal-FA Cup eliminaw lit-tim tal-Premier League. Il-gowls ta’ Crawley waslu kollha fit-tieni taqsima. F’temp ta’ tliet minuti skorjaw darbtejn, l-ewwel Tsaroulla fil-50 minuta mbagħad Nadesan fit-53 minuta. Tunnicliffe għalaq il-logħba bit-tielet gowl fis-70 minuta.

Manchester City 3   Birmingham City 0

Tliet gowls fl-ewwel taqsima kienu biżżejjed biex Manchester City għelbu lil Birmingham u għaddew għar-round li jmiss tal-FA Cup. Silva skorja darbtejn fl-ewwel taqsima, fit-8 u fil-15-il minuta sakemm Foden għalaq bit-tielet gowl fit-33 minuta.

Fit-tieni taqsima s-City kellhom gowl imħassar meta l-VAR iddeċieda li Mahrez kien offside qabel skorja.

F’riżultati oħra:

Barnsley  2-0  Tranmere
Bristol City  2-1  Portsmouth
Cheltenham  2-1  Mansfield (wara l-ħin barrani)
Newport  4-5  Brighton & Hove Albion (wara l-għoti tal-penalties)

Illum tintlagħab logħba waħda mill-FA Cup, meta Stockport jilagħbu kontra West Ham fid-21:00.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA