Futbol internazzjonali
FA Cup – Replays: Liverpool jgħaddu b’awto-gowl, Newcastle jitħabtu biex jgħaddu fil-ħin barrani

Liverpool 1   Shrewsbury 0 (agg. 3-2)

B’tim żagħżugħ Liverpool għaddew għall-ħames round tal-FA Cup meta fir-replay għelbu lil Shrewsbury 1-0. Il-gowl li ddeċieda l-konfront kellu jasal minn plejer ta’ Shrewsbury stess meta kwarta mit-tmiem b’daqqa ta’ ras, Ro-Shaun Williams spiċċa tefa’ fix-xibka tiegħu stess minflok barra, biex b’hekk ir-Reds baqgħu għaddejjin fil-kompetizzjoni.

Oxford UTD 2   Newcastle UTD 3 (wara l-ħin barrani) (agg. 2-3)

It-tim tal-manager Steve Bruce għal ftit ma ħlewx żewġ gowls vantaġġ meta Oxford United sfurzawhom sal-ħin barrani, anke jekk it-Toons kienu 2-0 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima. Longstaff fetaħ l-iskor għal Newcastle wara kwarta u Joelinton għamilhom tnejn man-nofs siegħa logħob, f’dik li dehret li ser tkun logħba faċli għat-tim tal-Premiership. Imma fit-tieni taqsima Oxford ħadu r-riedni f’idejhom u lejn it-tmiem ħasdu lill-avversarji b’żewġ gowls. Fl-84 minuta Kelly naqqas id-distakk u għamilhom 2-1, biex Holland ġab id-draw mar-4 minuta fuq il-ħin regolamentari u sforza l-ħin barrani. Kien Saint-Maximin li skorja l-gowl tar-rebħa għal Newcastle 4 minuti minn tmiem il-ħin barrani biex b’hekk Newcastle għaddew għar-round li jmiss.

Birmingham 6   Coventry C. 2 (wara l-għoti tal-penalties) (agg. 6-2)

Birmingham għaddew għall-fażi li jmiss wara l-għoti tal-penalties b’rebħa fuq Coventry City. Wara li l-ewwel taqsima ntemmet 0-0, fit-tieni waħda kienu Coventry li marru minn fuq permezz ta’ Bakayoko fil-50 minuta. Birmingham ġabu d-draw mat-tieni minuta fuq il-ħin regolamentari tal-logħba permezz ta’ Dean, bil-logħba tmur fil-ħin barrani. Biamou reġa’ poġġa lil Coventry minn fuq fil-114-il minuta tal-ħin barrani, u għal darb’oħra Birmingham ġabu d-draw fl-aħħar minuta b’gowl ta’ Bela. Fl-għoti tal-penalties Birmingham kienu aħjar, tant li skurjaw 4 kontra l-gowl uniku ta’ Coventry li anke fallew 2 penalties.

Cardiff C. 4   Reading 7 (wara l-għoti tal-penalties) (agg. 5-8)

Reading fil-ħames round tal-FA Cup wara rebħa fuq Cardiff City bl-għoti tal-penalties wara li sal-ħin barrani l-iskor kien 3-3. Murphy poġġa lil Cardiff minn fuq mad-19-il minuta u Glatzel skorja t-tieni fl-54 minuta biex għamilhom 2-0. Richards naqqas id-distakk għal Reading fid-69 minuta u 10 minuti wara Rinomhota ġab id-draw għal Reading. Il-logħba marret fil-ħin barrani u Cardiff reġgħu marru minn fuq b’gowl ieħor ta’ Murphy fit-93 minuta. Reading ma qatgħux qalbhom u reġgħu għamlu l-iskor indaqs fil-116-il minuta permezz ta’ Meite u l-logħba marret għall-għoti tal-penalties. Hawnhekk kienu Reading li marru aħjar għax skurjaw l-erba’ penalties li taw, filwaqt li Cardiff skurjaw wieħed u fallew tnejn.

Derby C. 4   Northampton 2 (agg. 4-2)

Faċli għal Derby County f’darhom biex għelbu lil Northampton bl-iskor ta’ 4-2 wara li fl-ewwel logħba baqgħu draw ta’ 0-0. Derby fil-vantaġġ b’gowl ta’ Wisdom ftit qabel in-nofs siegħa logħob u Holmes għamilhom 2-0 fil-35 minuta. Northampton naqqsu d-distakk b’gowl ta’ Adams kmieni fit-tieni taqsima, imma Derby County reġgħu fetħu żewġ gowls vantaġġ wara li Marriott għamilhom 3-1. Fis-77 minuta, l-ex Manchester United Wayne Rooney skorja mill-11-il metru u għamilhom 4-1, b’Northampton jiskurjaw gowl ieħor minn Hoskins fl-84 minuta biex l-iskor finali sar 4-2.

Illejla tintlagħab replay oħra mill-FA Cup, meta f’Londra, Tottenham Hotspur jilqgħu lil Southampton wara li fl-ewwel leg fis-Saint Mary Stadium l-iskor baqa’ 1-1. Il-logħba tibda fid-20:45.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra

Wolves 1   Manchester City 3 Rebħa għal Manchester City fil-Molineux Stadium meta marru għand Wolves u rebħulhom 3-1. Is-City fetħu żewġ gowls vantaġġ sa tmiem l-ewwel taqsima, b’De Bruyne jiskorja…

Futbol tan-Nisa: It-Tlieta t-tim Nazzjonali Malti tal-futbol jkun impenjat f’logħba fis-Centenary Stadium kontra d-Danimarka logħba valida minn Grupp B ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Women’s EURO 2022. In-nukleu ta’ plejers imsejħa għal…

Fil-partita li ntlagħbet kmieni fin-12.30pm, Napoli jegħlbu barra minn darhom lil Parma bi skor ta’ 2-0. L-ewwel taqsima tintemm mingħajr gowls. Napoli jiftħu l-iskor minn Dries Mertens fit-63 minuta. Lorenzo…

Liverpool jirbħu fi Stambfoird Bridge kontra Chelsea bi skor ta’ 2-0. L-ewwel taqsima li ntemmet mingħajr gowls imma fil-50 minuta r-Reds fil-vantaġġ b’gowl ta’ Sadio Mane. L-istess plejer irdoppa għal…

Aktar