Futbol lokali
FA Trophy: Akpan l-eroj ta’ Floriana wara li l-logħba tkun deċiża bil-penalties

FA TROPHY 2019/20

Kwarti tal-Finali 

Floriana…..4 (1)

Birkirkara…2 (1)

wara l-għoti tal-penalties

Fl-aħħar kwartifinali tal-FA Trophy li ntlagħbet fl-Istadium Nazzjonali, Floriana għaddew għas-semifinali meta għelbu lil Birkirkara bl-għoti tal-penalties. Sad-90 minuta l-logħba kienet 1-1, u fil-ħin barrani l-ebda tim ma’ skorja biex kienu l-penalties li ddeċidew il-konfront. Fil-penalties kienu l-bravuri tal-goalkeeper Furjaniż Akpan li laqa’ tliet penalties biex b’hekk Floriana għaddew għas-semifinali u għadhom biċ-ċans li jagħmlu d-double f’dan l-istaġun.

Floriana kellhom logħba faċli fit-tielet round meta eliminaw lil Melita 6-1, imbagħad fir-raba’ round batew biex eliminaw lil Senglea Athletic meta kellhom jistennew sal-ħin barrani biex rebħu 2-0.

Birkirkara ma kellhomx logħbiet daqstant faċli fl-FA Trophy, u dan għaliex fit-tielet round affaċċhaw lil Nadur Youngsters u rebħulhom bl-iskor minimu ta’ 1-0, u fir-raba’ round kontra Mosta, ukoll kellu jkun gowl ta’ differenza, meta rebħu 2-1.

L-ewwel azzjoni waslet minn Birkirkara (6 min) meta Akpan kellu jdawwar f’corner freekick ta’ Guillaumier. Minn hemmhekk ‘il quddiem il-logħba kienet milgħuba f’nofs il-grawnd, b’ħafna passes li ma’ bdew iwasslu għal imkien, sakemm mat-32 minuta Floriana kellhom l-għajta għall-penalty miċħuda wara li Keqi u l-partitarji Furjaniżi allegaw li l-ballun ħabat ma’ jdejn Attard, imma r-referee Tonna ħalla l-logħob għaddej. Birkirkara reġgħu resqu viċin lejn tmiem l-ewwel taqsima (42 min) meta mill-corner ta’ Guillaumier, id-daqqa ta’ ras ta’ Carniello kienet milqugħa f’żewġ tentattivi minn Akpan.

Il-logħba ħadet żvolta ġdida eżatt mas-siegħa logħob meta mill-freekick ta’ Claudio Bonanni, il-ballun tiegħu kien preċiż biex għeleb il-barriera u l-goalkeeper Akpan li kellu jiġbor il-ballun mix-xibka, bil-Karkariżi jmorru fil-vantaġġ. Reazzjoni mill-Greens sitt minuti wara li iżda ma’ sarrfet f’xejn, għaliex mill-cross ta’ Pisani, Dias ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit barra mill-wieqfa. Floriana ġabu l-iskor indaqs kwarta mit-tmiem meta Keqi qassam lejn Pisani, il-cross tiegħu għadda minn quddiem il-lasti difiżi minn Hogg, il-ballun ma’ messu ħadd sakemm wasal għand is-sostitut Augusto Caseres li l-ewwel ballun li mess x’ħin daħal fil-grawnd tefgħu fix-xibka għal 1-1. Il-gowl tad-draw ħasad lil Birkirkara, li donnhom ma kellhomx risposta matul il-kwarta li kien għad fadal, tant li sad-90 minuta l-iskor baqa’ 1-1 u l-logħba marret fil-ħin barrani.

L-ewwel azzjoni tal-ħin barrani (92 min) waslet mill-Karkariżi meta l-cross ta’ Prado kien miżmum minn Falcone, li r-ravoxxata tiegħu kienet imdawra f’corner minn Akpan. Minn hemmhekk ‘il quddiem dehret evidenti l-għejja li ħakmet liż-żewġ timijiet, imma Birkirkara għal ftit ma skurjawx il-gowl tar-rebħa mat-tieni minuta fuq il-120, meta l-cross ta’ Capel ħoloq xi ftit tal-konfużjoni fil-kaxxa, tant li kellu jkun Cini li qala’ l-ballun biex biegħed il-periklu. Ftit tas-sekondi wara r-referee Tonna saffar sabiex bagħat liż-żewġ timijiet għall-penalties.

Penalties:

Kristian Keqi (Floriana) 1-0

Toah Isaac Ntow (Birkirkara) 1-0

Enzo Ruiz (Floriana) 1-0

Matthew Guillaumier (Birkirkara) 1-1

Jan Busuttil (Floriana) 1-1

Yannick Yankam (Birkirkara) 1-1

Adan Tiago Fonseca (Floriana) 2-1

Angel Diego Trinidad Capel (Birkirkara) 2-1

Terence Vella (Floriana) 3-1

Riżultat finali: Floriana 4  Birkirkara 2 (wara l-għoti tal-penalties)

Referee: Glen Tonna

Formazzjonijiet:

Floriana FC –  Etim Ini Akpan (GK), Beye Moustapha Muhamadou, Enzo Ruiz, Clyde Borg (Jan Busuttil 69’), Kristian Keqi, Jurgen Pisani (c), Nicolas Matias Garcia, Alexander Cini (Terence Vella 120+2’), Mariano Marcelo Dias (Augusto Caseres 72’), Ryan Camenzuli, Adan Tiago Fonseca

Birkirkara FC – Andrew Hogg (GK)(c), Enrico Pepe, Matthew Guillaumier, Paul Mbong (Roderick Briffa 78’), Yannick Yankam, Matias Federico Falcone, Cain Attard, Claudio Bonanni (Ryan Fenech 120’), Henrique Caio Prado Rocha (Trinidad Diego Angel Capel 109’), Matias Oscar Carniello, Toah Isaac Ntow.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Il-plejer Malti Michael Mifsud, mil-lum sar plejer ta’ Sirens FC. Mifsud tħarreġ ma’ Sirens FC għall-ewwel darba lbieraħ filgħaxija u llejla se jkun qed jilgħab fil-partita ta’ ħbiberija kontra Hibernians….

Futbol lokali

Il-klabb tal-Kampjonat BOV Premier ħabbar li plejer minn tal-ewwel skwadra tagħhom ittestja pożittiv għall-COVID-19. Dan hu l-aħħar każ ta’ coronavirus wara li l-ġimgħa l-oħra, Balzan ħabbru li kellhom tliet plejers…

Futbol lokali

Il-Kampjonat BOV Premier se jkun qed jibda kif skedat, fil-11 ta’ Settembru li ġej, iżda b’bibien magħluqa, ħlief għall-plejers u l-istaff tekniku, l-uffiċjali tal-klabbs u l-ġurnalisti. Dan ħabbru dalgħodu Bjorn…

Futbol lokali

Illum il-Club tal-Football ta’ Balzan ikkonferma li żewġ plejers oħra minn tagħhom irriżultaw pożitivi għal COVOD-19. Il-Club jumejn ilu kien ikkonferma li kellu l-ewwel plejer li rriżulta pożittiv wara test…

Aktar