X

FA Trophy: Caio Prado jiddeċiedi l-logħba

Story Published

Birkirkara għaddew għall-kwarti tal-finali tal-FA Trophy meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-1.

Fil-25 minuta Mosta ħolqu l-ewwel okkażjoni tagħhom meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Mattias Muchardi spiċċa barra.

Fid-29 minuta xutt fil-baxx ta’ Matthew Guillaumier sab l-oppożizzjoni tal-gowlkiper ta’ Mosta Nicky Vella.

Fid-39 minuta xutt ta’ Rafael Morisco ta’  Mosta sab lil Andrew Hogg attent.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 0-0.

Fit-tieni taqsima l-Istripes fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ fis-46 minuta meta kien Caio Prado li rċieva tajjeb mingħand Matthew Guillaumier u ħarab ħarba u filwaqt li qabeż lill-gowlkiper iddepożita l-ballun fix-xibka.

Mosta dehru xi ftit imħawda u ma kinitx sorpriża li Birkirkara rduppjaw meta reġa’ kien Caio Prado li rċieva l-ballun u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb għat-tieni darba lil Nicky Vella.

Fis-60 minuta, Mosta ngħataw penalty wara li Caio Prado ta’ Birkirkara iffawlja lil Zachary Brincat fil-kaxxa.

Mill-11-il metru kien l-istess Zachary Brincat li xxuttja b’Hogg jilqa’ tajjeb sabiex mir-ribawnd tefa’ l-ballun fix-xibka.

Fit-63 minuta, Mosta tilfu ċans tad-deheb permezz ta’ Eric Chaney li minn quddiem il-lasta xeħet għoli.

Id-difiża ta’ Birkirkara żammet sod sabiex ħarġu minn din il-partita bi kwalifikazzjoni.

Skor finali: Mosta 1 Birkirkara 2

Referi kien Darryl Agius.

Birkirkara għaddew għall-kwarti tal-finali.