Futbol lokali
FA Trophy: Penalty fl-aħħar sekondi jagħti rebħa lil Hibernians fuq Pembroke Athleta

FA TROPHY 2021/22

Pembroke A. FC……0

Hibernians FC………1

Hibernians batew biex għaddew għall-kwartifinali tal-FA Trophy, meta fis-Centenary Stadium għelbu lil Pembroke Athleta bl-iskor ta’ 1-0. Konfront li kien bla wisq emozzjonijiet u ma dehritx id-differenza bejn it-timijiet meta wieħed iqis li t-tnejn li huma jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, iżda f’diviżjoni differenti.

Pembroke Athleta waslu sar-Round tas-16 meta fir-rounds ta’ qabel għelbu lil Marsaxlokk 4-2 u lil St George’s 3-1. Min-naħa tagħhom il-Pawlisti bdew l-esperjenza fl-FA Trophy fir-Round tat-32 meta għelbu lil Żejtun Corinthians 3-0.

L-ewwel xutt tal-logħba wasal minn Grech ta’ Hibernians meta fit-13-il minuta pprova mid-distanza imma Schranz ma kellux wisq diffikultà biex isalva. Risposta fuq in-naħa l-oħra fil-25 minuta meta mill-freekick ta’ Oliveira Santos, Briffa salva minn mal-art.

Fil-51 minuta Hibernians resqu viċin li jiftħu l-iskor li mhux għall-bravura ta’ Schranz li minn quddiemu tajjar il-ballun wara xutt ta’ Fonseca, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn wara li Frendo qala’ l-ballun minn fuq il-linja fuq il-konklużjoni t’Iriberri. Reazzjoni minn Pembroke fit-58 minuta meta Chiedozie mix-xellug tefa’ cross fil-baxx lejn Ogunnupe li iżda x-xutt tiegħu kien milqugħ minn Briffa. Fis-66 minuta l-Pawlisti fallew ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Degabriele rċieva cross u waħdu fil-kaxxa l-kbira kkonkluda ftit metri barra mill-wieqfa. 77 minuta u Schranz reġa’ kien fl-aqwa tiegħu li tajjar it-tentattiv ta’ Grech minn quddiemu wara li l-plejer Pawlist irċieva mingħand Da Silva Ribeiro. Il-lasta wkoll lagħbet il-parti tagħha fil-81 minuta meta x-xutt ħażin ta’ Kristensen wasal f’saqajn Degabriele li pprova jmattar għal ġewwa, iżda l-wieqfa żammet il-ballun milli jispiċċa fix-xibka u ċans ieħor intilef għall-Pawlisti.

Mad-90 minuta r-raba’ uffiċjal Slawomir Olucha wera sitt minuti ta’ ħin addizzjonali, u mas-sitt minuta Kane Paul Farrugia ta’ Pembroke Athleta deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, u mill-11-il metru Gilmar Da Silva Ribeiro tefa’ l-ballun naħa u l-goalkeeper oħra biex skorja dak li kellu jkun id-differenza f’dan il-konfront.

Referee: Glen Tonna

Formazzjonijiet:

Pembroke A. FC – Philip Schranz(GK)(c), Adolphus Nagbe Marshall (79’ Mark Anthony Borg), Kane Paul Farrugia, Daniel Sant, Kyle Frendo, Joseph Jojo Ogunnupe, Joao Pedro Oliveira Santos (85’ Peter Paul Sammut), Tyrone Fenech, Jonathan Bajada, John Enoto Etim, Lawrence Uchechi Chiedozie (59’ Neil Frendo)

Hibernians FC – Rudy Briffa(GK), Ferdinando Apap, Leandro Almeida, Ayrton Attard (62’ Raphael Dos Anjos), Jake Grech (87’ Dunstan Vella), Tiago Adan Fonseca (62’ Gilmar Da Silva Ribeiro), Jurgen Degabriele, Bjorn Kristensen(c), Zachary Karl Grech, Gabriel Izquier Artiles (46’ Andrei Agius), Imanol Iriberri

Miktub minn...
TVM Sport