X

FA Trophy: Pietà fil-kwartifinali wara li jeliminaw lil Xewkija li bi player imkeċċi xorta lagħbu bi 11

Story Published

FA TROPHY 2019/20

IR-4 ROUND

Pietà H…….2

Xewkija T….1

Pietà Hotspurs għaddew għall-kwartifinali tal-FA Trophy meta fl-ewwel logħba tas-Sibt fis-Centenary Stadium huma għelbu lil Xewkija Tigers 2-1. Kienet logħba li kien fiha ftit minn kollox: ħafna karti sofor, karta ħamra, gowls u anke sitwazzjoni fejn Xewkija, avolja suppost kienu bi plejer inqas, spiċċaw jilagħbu l-aħħar 5 minuti bi 11-il plejer xorta waħda.

Fil-11-il minuta l-goalkeeper ta’ Xewkija kellu jwettaq save u jdawwar f’corner meta Caetano prova jqabbeż minn fuqu. Mal-kwarta logħob Grima reġa’ kien providenzjali wara li Jalo seraq ballun fi tliet kwarti ta’ grawnd, baqa’ dieħel fil-kaxxa imma l-goalkeeper irnexxilu jtajjar. Pietà marru fil-vantaġġ fis-36 minuta meta Amehi mix-xellug tefa’ cross fil-baxx li sab lil Clyde Bouvet li minn quddiem Camilleri ma kellux diffikultà li jitfa’ ġewwa għal 1-0. Fit-42 minuta Pietà ngħataw freekick u minnu deher li l-captain Buttigieg mess il-ballun b’idejh fil-kaxxa u r-referee saffar għal penalty fost protesti voċiferi mill-plejers Xewkin. Mill-11-il metru Jose Luis Caetano tefa’ fil-baxx u għadda l-ballun minn taħt idejn il-goalkeeper Camilleri u għamilhom 2-0. U biex kollox kompla ġej ħażin għat-Tigers, il-captain Buttigieg f’temp ta’ tliet minuti reġa’ dabbar karta safra oħra, bir-referee Portelli jibagħtu fid-dressing room kmieni u ħalla lil sħabu jilagħbu bi plejer inqas.

Fil-51 minuta Amehi ta’ Pietà għal ftit m’għamilhomx tlieta meta l-pass ħażin tal-goalkeeper avversarju wasal għandu, imma x-xutt finali tal-Franċiż ħabat mal-mimduda u baqa’ sejjer barra. Il-lasta reġgħet kienet protagonista, din id-darba fuq in-naħa l-oħra meta fis-56 minuta Xewkija ngħataw freekick li nkariga minnu De Lima, bil-ballun jaħbat mal-mimduda u jkun ikklerjat mid-difiża tal-Hotspurs. Sittin minuta u Xewkija naqqsu d-distakk meta Nogueira Junior għadda lejn Pavlidis Claudio Antunes li wara li dar ma’ difensur xeħet wara Chetcuti għal 2-1. U fl-aħħar minuti Xewkija xorta waħda lagħbu bi 11-il plejer meta wara li kien hemm kommossjoni fil-grawnd, deher plejer aktar jilgħab magħhom iżda r-referee Portelli ħarablu dan id-dettall yu ħalla l-logħob għaddej.

Riżultat finali: Pietà H. 2  Xewkija T. 1

Referee: Daniel Portelli

Formazzjonijiet:

Pietà H. – Miguel Chetcuti (GK), Neil Pace Cocks (c), Dejan Vukovic, Clyde Bouvet (Clive Gauci 71’), Christian Sammut, Jose Lucas Caetano, Kllian Amehi, Quincy Leslie Bregman (Travis Bartolo 32’), Liam McKay, Ishaya Irimiya Jalo, James Sciculna (Nicholas Pisani 75’)

Xewkija T. – Mark Grima (GK) (Leonard Camilleri (GK) 22’), Manwel Tabone, Joseph Mario Vella (Johnny Camilleri 74’), Jackson De Lima, Pavlidis Claudio Antunes, Rodney Buttigieg (c), Jose Carlos Nogueira Junior, Martin Hrubsa, Dylan Mercieca, Milos Stojanovic, Claudio Daniel Frances