Futbol internazzjonali
Fiċ-Championship, Aston Villa u Nottingham Forest jaqsmu 10 gowls bejniethom

Fil-logħba mil-League Championship fl-Ingilterra bejn Aston Villa u Nottingham Forest f’Villa Park, kienu skurjati 10 gowls kif ukoll kellna tkeċċija. F’logħba movimentata u ta’ qtugħ ta’ nifs, iż-żewġ timijiet offrew spettaklu u avolja skurjaw ħamsa kull wieħed, ħadu biss punt għall-isforzi kollha tagħhom.

Kollox beda mat-3 minuta, meta Grabban fetaħ l-iskor għall-Forest, vantaġġ li rduppjawh fis-6 minuta b’gowl ta’ Carvalho. Fil-11-il minuta Abraham irnexxielu jnaqqas id-distakk għall-Villa, u l-istess plejer ħass il-ballun jaħbat miegħu qabel spiċċa fix-xibka għal 2-2 fl-14-il minuta. Fit-22 minuta Nottingham Forest reġgħu marru fil-vantaġġ, din id-darba permezz ta’ Cash, imma fis-36 minuta Abraham skorja hattrick personali biex reġa’ għamel l-iskor indaqs 3-3 u hekk baqgħu sal-mistrieħ.

Fil-51 minuta, għar-raba’ darba, Forest reġgħu marru fil-vantaġġ, din id-darba b’gowl ta’ Lolley, biex għamilhom 4-3, imma mat-68 minuta Nottingham Forest spiċċaw jilagħbu b’għaxra meta tkeċċa Figueiredo. Abraham reġa’ kien l-eroj għall-Villa fit-68 minuta meta skorja r-raba’ gowl għalih u għat-tim biex għamilhom 4-4, u għall-ewwel darba fil-logħba, it-tim ta’ Villa Park marru fil-vantaġġ fil-75 minuta b’gowl ta’ El Ghazi. Biss għallinqas, it-tim tal-Forest irnexxielu jirkupraw mill-iżvantaġġ u fit-82 minuta Grabban skorja l-ħames, biex b’hekk skorja l-ewwel u l-aħħar gowl tat-tim tiegħu f’lejla li mhux ser tintesa’ malajr minn dawn iż-żewġ timijiet.

B’dan ir-riżultat, it-tim t’Aston Villa skorja 12-il darba fl-aħħar tliet logħbiet, b’rebħiet fuq Birmingham 4-2 u 3-0 kontra Derby County. It-tim ta’ Nottingham Forest, qabel dan il-konfront, kellhom difiża pjuttost kumpatta, imma jidher li l-Villa sabu rimedju u rnexxilhom jinfduha ħames darbiet.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Bob Higgins, l-ex Youth Development Officer tal-Malta Football Association, instab ħati fuq 45 kap ta’ akkuża ta’ abbuż sesswali fuq 23 tifel. Higgins kien ingħata din il-kariga fl-MFA f’Lulju tal-1989…

Futbol internazzjonali

Skont il-manager ta’ Tottenham Hotspur, Mauricio Pochettino, it-tim li jirnexxielu jżomm kompost fil-grawnd u ma jħallix l-emozzjonijiet jiġru bih, se jirbaħ il-finali taċ-Champions League fl-1 ta’ Ġunju li ġej. Skont…

Futbol internazzjonali

Polonja 0 Kolombja 2 Il-pajjiż ospitu, il-Polonja, bdew l-esperjenza tagħhom f’din it-Tazza tad-Dinja fuq sieq waħda meta fil-logħba inawgurali tilfu kontra l-Kolombja bl-iskor ta’ 2-0. Il-gowls tal-Kolombja kienu skurjati wieħed…

Futbol internazzjonali

L-ex stilla Arġentin Diego Armando Maradona kien imwaqqaf l-ajruport ta’ Buenos Aires u aktar tard kien arrestat wara li l-ex maħbuba tiegħu qiegħda tfittxu bil-Qorti. Rapporti li ħerġin mill-Arġentina qegħdin…

Aktar