Futbol lokali
FILMAT: Il-Kummissarju tad-dixxiplina xorta jissospendi plejer ta’ Lija A. li tkeċċa bi żball mir-referee

Il-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA illum ħareġ is-sospensjonijiet wara l-ewwel logħbiet tal-Kampjonat BOV Premier 2020/21.

Fost il-lista ta’ tliet plejers li ġew sospiżi hemm il-plejer ta’ Lija Athletic Carl Joseph Cassar li waqt il-logħba Lija – Senglea tkeċċa bi żball mir-referee Andrea Sciriha. Il-foul tal-azzjoni fuq kontrattakk ta’ Senglea filfatt wettqu il-plejer Gill Juan Cruz iżda r-referee bi żball keċċa lid-difensur ta’ ħdejh meta fil-filmati jidher ċar li l-imbuttatura fuq l-attakkant ta’ Senglea għamilha Cruz u mhux Cassar.

Ir-referee oriġinalment għal dan il-foul kien ordna penalty iżda wara konsultazzjoni mal-Assistant referee Duncan Spencer ta free kick minn barra l-kaxxa.

Ovvjament Lija A. ma pprotestawx fuq ‘technical errror’ għaliex rebħu l-logħba. Mill-filmati jidher biċ-ċar li r-referee Sciriha inqabad ferm lura mill-azzjoni u għaġġel fid-deċiżjoni tiegħu. Wieħed ma jistax jitfa’ t-tort kollu fuq ir-referee għaliex anke l-Assistent tiegħu Spencer seta’ għinu iżda flok qallu li keċċa plejer il-ħażin ikkonċentra biss fuq jekk il-foul sarx barra l-kaxxa jew le.

Żgur li l-iktar li mar ħażin kien il-plejer Carl Joseph Cassar li se jitlef intortament il-logħba li jmisshom nhar is-Sibt li ġej kontra Gudja Utd.

Il-Plejers sospiżi huma dawn:

Andrei Agius – Hibernians (Logħba)

Carl Joseph Cassar – Lija (Logħba)

Ryan Scicluna – Sirens (Logħba)

Ma’ dawn ġew sospiżi wkoll żewġ logħbiet minn fuq il-bankini rispettivi tagħhom Peter Agius uffiċjal ta’ Floriana FC u Marlon Galea Team Manager ta’ Gżira Utd.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.