Futbol lokali
Finali FA Trophy: Birkirkara u Valletta jgħidu tagħhom ġurnata qabel

Birkirkara u Valletta qalgħu tagħhom għall-aħħar darba dan l-istaġun hekk kif għada s-Sibt 5 ta’ Mejju tintlagħab il-finali tal-FA Trophy 2017/18, Powered by Boost.

Iż-żewġ timijiet diġà għandhom post assigurat fl-Ewropa fl-istaġun li ġej. Birkirkara għax għelbu lil Sliema Wanderers fis-semifinali ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda u Valletta għax rebħu l-kampjonat BOV Premier li fisser l-24 titlu fl-Istorja tal-klabb.

Paul Zammit, kowċ ta’ Birkirkara, f’isem il-klabb irringrazzja lill-plejers tas-sagrifiċċji kbar li għamlu dan l-istaġun li bl-għajnuna tal-partitarji u l-Kumitat, irnexxielhom isibu post fl-Ewropa għal staġun ieħor, xi ħaġa li fil-bidu tal-istaġun dehret kważi imposibbli. Zammit qal li bħal dan iż-żmien sena kien fl-abbissi u daq l-agħar u n-negattiv kollu tal-futbol Malti minħabba s-sitwazzjoni li kienu spiċċaw fiha Valletta. Qal li llum li għadu qed jikkowċja u jinsab fil-pożizzjoni li qiegħed, iħoss li għandu jirringrazzja lil Alla u lill-klabb ta’ Birkirka tal-fiduċja li reġa’ wera fih.

“Din il-partita finali tat-Trophy hi rigali għalina kollha. Irnexxielna nilħqu tragward kbir u issa jmissna nilagħbu kontra l-aqwa tim ta’ Malta u ‘the team to beat’. Nafu li se nilagħbu ma’ tim aħjar minnha u biex nirbħulu rridu nkunu perfetti ‘on the day’ u ma nagħmlux żbalji. Tirbaħ lil Valletta f’finali hi dejjem diffiċli. Nixtieq li din il-partita tkun ta’ ġih u eżempju għall-futbol Malti,” qal Zammit.

Danilo Doncic, kowċ ta’ Valletta, qal li f’partita waħda diffiċli li jara favorit iżda jemmen li bħalissa l-plejers tiegħu jinsabu f’forma mill-aqwa biex jaffrontaw tim bħal Birkirkara f’finali bħal din. Doncic qal li hu personalment għandu esperjenza kbira ta’ partiti ta’ dawn it-tip iżda bħala plejer u mhux bħala kowċ, u l-partita ta’ għada se tkun l-ewwel waħda għalih fi tmexxija ta’ tim.

“Il-partita ta’ għada tiswa ħafna għalija, għall-plejers u għall-Kumitat. Irbaħna l-Kampjonat fuq il-merti tagħna u biex nagħlqu staġun bi stiel irridu nirbħu l-FA Trophy ukoll. Irridu li dan l-istaġun ikun jibqa’ wieħed memorabbli għal dejjem,” qal Doncic.

Fl-istess konferenza li saret wara nofsinhar fit-Trophies Lounge tal-MFA, kien hemm preżenti Nikola Vukanac, plejer ta’ Birkirkara li qal li għall-klabb kienet l-ikbar priorità li jsibu post fl-Ewropa.

“L-aktar importanti għamilnih. Fl-istaġun li ġej se nikkompetu fl-Europa League. Il-partita kontra Valletta hi partita diffiċli ħafna iżda f’partita waħda jista’ jiġri kollox. Irridu nirbħuha. Sabiħ li nispiċċaw l-istaġun rebbieħa ta’ unur,” qal Vukanac.

Tkellem ukoll Henry Bonello, gowlkiper ta’ Valletta. Il-gowlkiper internazzjonali Malti qal li hu ta’ unur għalih li għada se jkun qed jilgħab quddiem numru kbir ta’ partitarji f’finali tal-FA Trophy u ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi għaliex partiti bħal dawn isaħħu lill-klabbs u lill-futbol Malti.

“Naħseb li fil-partita ta’ għada ż-żewġ timijiet se joħorġu biex jirbħu. Għalina se tkun finali speċjali għaliex jekk nirbħuha jkun ifisser li għamilna ‘double’. Li tirbaħ l-ikbar żewġ unuri fi staġun wieħed hi biċċa xogħol kbira li jista’ jagħmel klabb,” qal Bonello.

Intant, il-Malta Football Association, ħabbret li għall-finali ta’ għada s-Sibt 5 ta’ Mejju, il-West Stand (enclosure) tal-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali hu kollu mibjugħ iżda dawk li għandhom fil-pussess tagħhom ‘season ticket’ se jkollhom aċċess biex jidħlu xorta. L-MFA avżat li l-gates tal-istadium jinfetħu fit-3.30pm u għal aktar avviżi tat-traffiku wieħed għandu jżur is-sit www.mfa.com.mt fis-sigħat li ġejjin.

Il-finali tal-FA Trophy tixxandar dirett fuq TVM2.

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Dalgħodu saret il-laqgħa ġenerali annwali tal-Club ta’ Mosta FC fejn dawn ħabbru uffiċjalment quddiem il-membri tagħhom li l-kumitat laħaq ftehim mal-kowċ taljan Enrico Piccioni li se jkun qed jagħmel ir-ritorn…

Futbol internazzjonali, Futbol lokali

Fi sforz sabiex isaħħu l-iskwadra għall-staġun ieħor Ħamrun Spartans permezz tal-President tagħhom il-Naplitan Nunzio Antignani u l-Aġent Gaetano Giovanni Farruggio qed jesploraw il-possibilita’ li jiffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-klabb Spanjol…

Futbol lokali

L-Eks player internazzjonali taljan Cristian Zaccardo mhux se jibqa’ ma’ Ħamrun Spartans. Dan ħabbru l-istess player fuq il-mezzi soċjali iktar kmieni llum. Hu qal li l-avventura tiegħu f’Malta tintemm hawn…

Futbol lokali

  Gowl xi ftit fortunat ta’ Dimitri Boyadhziev kien biżżejjed sabiex Marsa St Michael jirbħu l-MAFA KO meta fil-finali għelbu lill-holders Senglea Gunners bl-iskor ta’ 1-0. Kienet partita ddominata mir-riħ…

Aktar