Futbol internazzjonali
Finali UEFA CL: Il-partitarji li se jmorru fil-Portugall iridu jagħmlu dan fi vjaġġ ta’ ġurnata u joqogħdu fl-istess grupp

Il-partitarji Ingliż li se jkunu qed jivvjaġġaw lejn il-Portugall biex isegwu l-finali bejn Manchester City u Chelsea jridu jagħmlu dan fi vjaġġ ta’ ġurnata waħda biss u joqogħdu fl-istess grupp.

Dan ħabbru l-Gvern tal-Portugall.

Ilbieraħ, il-UEFA kkonfermat li l-finali tmexxiet għall-istadium ta’ Porto biex tagħmel ċerta li l-partitarji Ingliżi jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn il-pajjiż u jirritornaw lura mingħajr problemi.

It-Turkija kienet wieħed mill-pajjiżi li l-Gvern Ingliż tefa’ fuq il-lista l-ħamra u għaldaqstant, kieku l-finali saret f’Istanbul kif kien pjanat oriġinarjament, dawk li vjaġġaw riedu josservaw jiem ta’ kwarantina obbligatorja mar-ritorn.

Iż-żewġ klabbs rispettivi se jingħataw 6,000 biljett għall-partitarji tagħhom.

Sadanittant, ferħ u entużjażmu kbir mir-residenti ta’ Porto hekk kif ilbieraħ ħarġet l-aħbar li l-finali se tintlagħab fil-belt tagħhom.

Il-finali se tintlagħab is-Sibt 29 ta’ dan ix-xahar.

Miktub minn...
TVM Sport