Futbol internazzjonali
Fl-Italja: Sarri ma’ Chelsea, Ancelotti ma’ Napoli

Il-media Taljana qed tirraporta bi prominenza li Maurizio Sarri wisq probabbli jħalli lil Napoli biex jingħaqad ma’ Chelsea fl-Ingilterra u b’hekk ikun qed jieħu post Antonio Conte.

Aurelio De Laurentis, President ta’ Napoli jidher rassenjat li Sarri mhux se jibqa’ ma’ Napoli u dan wara l-aħħar kummenti li ta wara l-aħħar partita tal-kampjonat kontra Crotone.

Jidher li De Laurentis diġà tefa’ l-interess tiegħu fuq Carlo Ancelotti biex ikun il-kowċ ta’ Napoli għas-snin li ġejjin. Fl-Italja qed jingħad li De Laurentis diġà ltaqa’ ma’ Ancelotti f’lukanda f’Milan u l-istess President qal li n-negozjati ġodda li kellu ma’ Sarri diġà fallew u li ma tantx ħa ħin biex jikkonvinċi lil Ancelotti.

Jidher li Sarri talab salarju ta’ aktar minn 5 miljuni u nofs fis-sena u anki biex is-soċjetà ta’ Napoli ssaħħaħ it-tim b’akkwisti ġodda u ta’ kwalità.

Jekk kollok imur skont kif qed ikun irrapurtat, Sarri ma’ Chelsea u Ancelotti ma’ Napoli mistennija jkunu kkonfermati l-ġimgħa d-dieħla.

Miktub minn...
TVM Sport