Futbol lokali
Floriana Champions
Il-kunsill tal-MFA jagħti t-titlu lil Floriana, Tarxien Rainbows iżommu posthom mal-kbar

Floriana huma champions tal-football Malti wara vot fil-kunsill tal-MFA: u b’votazzjoni separata Tarxien Rainbows se jżommu posthom fil-Kampjonat BOV Premier li l-istaġun li ġej se jkollu sittax-il team. Nadur Youngsters sadanittant huma champions t’Għawdex.

Sebgħa u erbgħin kunsillier llejla vvutaw favur mozzjoni biex it-timijiet kollha li kienu fl-ewwel post meta twaqqaf il-football lokali f’Marzu minħabba l-coronavirus isiru champions tal-kampjonati rispettivi. 18 ivvutaw kontra u 10 astjenew.

Floriana b’hekk huma champions billi meta ġie tterminat il-Kampjonat Premier wara 20 ġurnata huma kienu l-ewwel bi 3 punti vantaġġ fuq Valletta, b’sitt logħbiet għal tmiem l-istaġun.

Dan hu s-26 titlu fl-istorja ta’ Floriana, bl-aħħar darba li l-Greens ħadu l-kampjonat tkun fl-istaġun 1992/93.

Bl-istess vot Żejtun Corinthians huma champions tal-1 Diviżjoni, Marsa tat-2 Diviżjoni, u Attard champions tat-3 Diviżjoni.

Tarxien Rainbows se jżommu posthom fil-kampjonat BOV Premier l-istaġun li ġej wara li aktar minn 60 fil-mija tad-delegati fil-kunsill tal-MFA ivvutaw biex l-ebda tim ma jiġi relegat mill-ebda diviżjoni.

45 vot kien favur il-mozzjoni ppreżentata lill-kunsill. 18 ivvutaw li jkun hemm ir-relegazzjonijiet waqt li 11-il vot ma ntefgħux.

Id-deċiżjoni tfisser ukoll li l-Kampjonat BOV Premier tal-istaġun li ġej se jkun b’sittax-il team. Zejtun Corinthians u Lija Athletic ġew promossi mill-1 Diviżjoni għall-Premier: waqt li Marsa, Marsaxlokk u San Ġwann jitilgħu mit-2 għall-1 Diviżjoni li b’hekk se jkollha 15-il team. Hemm ukoll qbil fil-prinipju li mill-istaġun li ġej, it-2 u 3 Diviżjoni ikunu amalgamati f’kampjonat wieħed maqsum fi tliet sezzjonijiet.

Finalment Nadur Youngsters ġew dikjarati champions tal-football Għawdxi wara li huma wkoll kellhom vantaġġ sostanzjali ta’ 8 punti fuq Xewkija wara 15-il ġurnata tal-BOV Gozo Football League l-1 Diviżjoni. Ħadd ma ġie relegat għat-2 Diviżjoni waqt li Sannat Lions u Oratory Youths ġew promossi.

Il-laggħa virtwali tal-kunsill bdiet fil-16:45: bil-vot dwar Floriana jitħabbar tliet sigħat u nofs wara. Għall-votazzjonijiet kollha kien hemm 80 vot eliġibbli iżda sitta minnhom kien dikjarat minn qabel li mhux se jintefgħu: l-erbgħa tal-uffiċjali tal-amministrazzjoni tal-MFA, u t-tnejn tal-Malta Referees Association.

Floriana kienu diġà ġew innominati mill-MFA lill-UEFA bħala r-rappreżentanti ta’ Malta fic-Champions League l-istaġun li ġej: u Valletta, Hibernians u Sirens fl-Europa League.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Il-plejer internazzjonali ta’ Malta tat-tim tan-nisa Emma Louise Lipman ingħaqdet mal-klabb Taljan ta’ Lazio. Lipman iffirmat kuntratt ta’ sena, b’opzjoni li jiġġġedded. Lipman twieldet fl-Ingilterra iżda għanda dixxendenza Maltija u…

Futbol lokali

L-ex plejer ta’ Hamrun Spartans, il-Brażiljan Leandro Motta, se jkun qed jilgħab fil-flokk ta’ Santa Lucia mill-istaġun li ġej. Motta kien lagħab ma’ Hamrun Spartans taħt it-tmexxija tal-kowċ Jacques Scerri….

Futbol lokali

L-ex plejer ta’ Hibernians, Sliema Wanderers u Gudja Utd, Jackson Lima sar plejer tal-klabb tal-Ewwel Diviżjoni Marsa. Il-midfielder Brażiljan, fl-istaġun li għadda lagħab f’Għawdex ma’ Xewkija Tigers FC. Lima ta’…

Futbol lokali

Hibernians F.C. kisbu lill-plejer tat-Trinidad and Tobago Winchester Rundell Renold. Renold hu attakkant ta’ 26 sena. Fl-istaġun li għadda, Renold lagħab ma’ Gudja United u skurja 5 gowls.

Aktar