Futbol lokali
Floriana FC: jiċħdu li l-kumitat oppona mozzjoni għal audit finanzjarju
Il-club jgħid li r-rapport finanzjarju għall-aħħar sena kien approvat b'mod kważi unanimu

Floriana FC ċaħdu li mozzjoni mressqa minn wieħed mill-membri tal-club biex issir investigazzjoni dwar il-finanzi tal-club fl-aħħar għaxar snin sabet oppożizzjoni mill-kumitat.

Fi stqarrija mibgħuta lil TVMSport b’reazzjoni għal rapport dwar il-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ Floriana FC ippubblikat fuq dan is-sit, is-segretarju ġenerali tal-club Dione Borg qal li l-mozzjoni mressqa mill-ex-Sindku tal-Floriana Nigel Holland issemmiet fil-bidu tal-laqgħa u kienet l-intenzjoni li ssir diskussjoni dwarha, bil-kumitat jagħmilha ċara li m’għandux diffikultà li ssir id-diskussjoni tant li tressqet għall-qari. Skont is-Sur Borg b’danakollu, minkejja diversi appelli minnu personali biex tibda d-diskussjoni, interruzzjonijiet kontinwi minn uħud mill-membri ma ħallewx il-laqgħa tiffunzjona kif suppost.

Is-Sur Borg qal fl-istqarrija li l-laqgħa ġiet sospiża minħabba l-ambjent negattiv li nħoloq u minħabba li kien sar il-ħin. Qal ukoll li hija x-xewqa tal-kumitat li kull mozzjoni tkun diskussa b’mod kalm u mingħajr tensjoni.

Is-Sur Borg stqarr li hu minnu li fil-laqgħa kellhom jidħlu l-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni iżda dan ma kienx tort tal-kumitat li l-pjan tiegħu kien li l-laqgħa titmexxa kif suppost.

Is-segretarju ġenerali ta’ Floriana FC qal li l-club tant m’għandux diffikulta’ jiddiskuti l-operat finanzjarju jew kwalunkwe operat ieħor, tant li għal kull laqgħa jkun mistieden jattendi l-Integrity Officer tal-MFA Franz Tabone: kif fil-fatt kien preżenti anke għal din il-laqgħa ġenerali tal-11 t’April.

Is-Sur Borg qal li l-fatti huma li l-laqgħa ġenerali approvat ir-rapport finanzjarju għall-2018 b’vot wieħed biss kontra u erba’ astensjonijiet: li huwa sejjaħ bħala vot qawwi ta’ fiduċja u appoġġ fil-kumitat. Qal li r-rapport kien approvat wara diskussjoni twila fejn kulħadd staqsa li xtaq. Sostna li l-club m’għandux problemi finanzjarji għall-istaġun li ġej, anzi l-membri fehmu t-titjib kbir li għamel il-club biex ħareġ mill-problemi finanzjarji kbar li tħalla fihom.

Is-Sur Borg qal ukoll li l-club waqqaf l-applikazzjoni għal-liċenzja tal-UEFA sempiċiment għax huwa mpossibbli li dan l-istaġun it-team jikkwalifika għall-kompetizzjonijiet Ewropej.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Dr Chris Bonett u Bjorn Vassallo, iż-żewġ kontestanti għall-kariga ta’ President tal-Malta Football Association, illejla se jkunu flimkien fi programm speċjali li jixxandar fuq TVM2 mid-21.00 ‘il quddiem. Bonett u…

Futbol lokali

Kwalifikazzjoni prestiġjuża għal Valletta għat-tieni round tal-UEFA Champions League wara draw ta’ 1-1 ma’ Dudelange tal-Lussemburgu fis-Centenary Stadium, Ta’ Qali. Valletta jgħaddu bil-goals skurjati away minkejja l-aggregate ta’ 3-3 wara…

Futbol lokali

Ħdax-il team maqsuma f’żewġ diviżjonijiet se jieħdu sehem fl-istaġun ġdid tal-Masters Football li jingħata bidu f’Settembru. Fi preżentazzjoni lill-media, tħabbar li l-ewwel partiti taż-żewġ kampjonati nfishom se jintlagħbu f’Settembru: iżda…

Aktar