Futbol lokali
Floriana FC se jitnaqqsulhom 3 punti jekk il-partitarji tagħhom jerġgħu jinstabu ħatja ta’ mġiba razzista

L-MFA ikkommunikat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Kontroll u Dixxiplina fil-konfront ta’ Floriana FC relatata mal-każ ta’ mġiba skorretta tal-partitarji tagħhom fil-logħba kontra Sta Lucia tal-BOV Premier League tal-14 ta’ Awwwissu li ntlagħbet fit-Tony Bezzina Stadium.

Il-Każ kien jitratta t-tgħajjir ta’ xi partitarji ta’ Floriana li bdew joffendu lill-goalkeeper ta’ Santa Lucia FC bi kliem ta’ natura u konnotazjoni razzisti.

Il-Bord immulta lil Floriana FC €3,000 u rrakkomanda tnaqqis ta’ 3 punti fil-klassifika jekk ikun hemm każ simili mill-partitarji tagħhom sa tmiem dan l-istaġun 2021/22.

Ic-Chairman ta’ dan il-Bord hu Dr. Stephen Muscat li kien sema’ l-każ fis-27 ta’ Settembru.  Floriana FC jistgħu jappellaw minn din  id-deċiżjoni.

Intant mistoqsija fuq il-każ tal-istaġun li għadda dwar l-allegat abbuż fil-konfront tal-player Maia Lucia, l-MFA qalet lil TVM Sport li fuq dak il-każ ma setgħux jittieħdu passi għaliex qatt ma nstab il-persuna li allegatament kien għajjar lill-plejer. L-MFA qalet li dakinhar l-allegat tgħajjir kien sar barra l-ground u xejn ma seta jkun ippruvat. L-MFA dakinhar kienet għamlet rapport wkoll lil Pulizija li huma wkoll ippruvaw isibu tarf tal-każ sa issa bla suċċess.

 

 

 

 

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.