Futbol lokali
Floriana jieħdu l-ewwel rebħa tal-istaġun fid-derby kontra Valletta

Floriana FC……..3

Valletta FC……..0

Floriana ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun 2021/22 fid-derby kontra Valletta meta fl-Istadium Nazzjonali rebħu 3-0. Dan kien konfront li l-Greens iddominaw għal ħafna mill-ħin, b’mod speċjali fl-ewwel taqsima u li kieku ma kienx għall-goalkeeper Guarnone, probabbli kienu jkunu għalqu l-logħba sal-ewwel 45 minuta. Kien għalhekk li l-goalkeeper Guarnone kien saħansitra vvutat bħala l-Plejer tal-Logħba. Għal Valletta xejn ma seta’ jiġi tajjeb, għax apparti wirja diżappuntanti fil-grawnd, saħansitra spiċċaw jilagħbu bi plejer inqas.

Floriana bdew dan l-istaġun b’żewġ draws, kontra Santa Lucia u Sliema Wanderers, u allura kienu għadhom nieqsa mit-3 punti f’logħba waħda. Min-naħa l-oħra, Valletta rebħu l-ewwel żewġ logħbiet tal-kampjonat, l-ewwel kontra Ħamrun Spartans imbagħad kontra Balzan, u b’hekk din kienet l-ewwel telfa tal-istaġun għalihom.

Mal-kwarta logħob waslet l-ewwel azzjoni tal-logħba meta Arias baqa’ dieħel bil-ballun fil-kaxxa l-kbira avversarja, bix-xutt tiegħu jkun imtajjar mill-goalkeeper Guarnone, b’tal-aħħar jerġa’ jkun attent biex iwettaq save ftit sekondi wara fuq xutt ta’ Caseres. Tnejn u għoxrin minuta u Guarnone reġa’ kien il-protagonist bejn il-lasti Beltin meta salva fuq ix-xutt finali ta’ Keqi. Ċans ieħor għall-Greens fis-36 minuta hekk kif mill-freekick, Caseres ra d-daqqa ta’ ras tiegħu milqugħa mill-goalkeeper Belti. U fit-38 minuta Floriana marru fil-vantaġġ. Kien Magri Overend li mil-lemin tefa’ cross perfett, Jose Arias għola tajjeb u bir-ras xeħet wara Guarnone għal 1-0.

Fit-63 minuta l-kowċ Furjaniż Atzori ddeċieda li jdaħħal lil Veselji minflok Keqi, u l-attakkant żagħżugħ impenja lil Guarnone f’save doppju żewġ minuti wara. L-ewwel xutt tal-Beltin dirett fil-lasta avversarja wasal fit-68 minuta mill-freekick ta’ Curjuric li iżda Kitanov laqa’ bla wisq diffikultà. Guarnone baqa’ l-eroj għal Valletta meta fl-74 minuta reġa’ kien fl-aqwa tiegħu biex tajjar id-daqqa ta’ ras ta’ Veslji li rċieva l-kross mingħand Magri Overend. U ftit sekondi wara, biex kollox ikompli ġej għat-telgħa għall-Beltin, Christian Gauci ta’ Valletta dabbar it-tieni karta safra ftit minuti wara li qala’ l-ewwel waħda u r-referee De Gabriele bagħtu kmieni fid-dressing room. Mill-freekick li segwa, il-ballun finalment spiċċa għand Paiber li b’xutt sabiħ impenja lil Guarnone f’save akrobatiku. Reazzjoni minn Valletta fid-79 minuta meta x-xutt ta’ Fontanella kien milqugħ minn mal-art minn Kitanov. Fit-87 minuta, wara biss 70 sekonda fil-grawnd, Daniel Agius għalaq il-logħba għall-Greens b’xutt mill-isbaħ minn qagħda angolata u ma ta l-ebda ċans lil Cini li jsalva. Mal-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari Valletta għal ftit ma naqqsux id-distakk meta x-xutt ta’ Tulimieri ħabat mal-mimduda u baqa’ sejjer barra. Fir-raba’ minuta fuq il-ħin regolamentari Floriana għamluhom 3-0. Kien Ryan Camenzuli li għalaq kompletament il-logħba bit-tielet gowl wara li rċieva mingħand Veselji.

B’dawn it-tliet gowls il-Furjaniżi għamlu ċert li jirbħu d-derby u li l-iljun illejla jorqod liebes l-aħdar. Dan kien konfront li Floriana kienu tattikament superjuri għal Valletta, b’aktar ideat, pussess tal-ballun u aktar xuttijiet indirizzati lejn il-lasta avversarja.

Riżultat finali: Floriana FC 3  Valletta FC 0

Referee: Matthew De Gabriele

BOV Plejer tal-Logħba: Alessandro Guarnone (Valletta FC)

Formazzjonijiet:

Floriana FC – Georgi Kitanov(GK), Adam Magri Overend (Aleandro Garzia 86′), Christians Rutjens, Zachary Cassar, Augusto Caseres (Daniel Agius 86′), Kristian Keqi (Mattia Veselji 63′), Jose Arias (Brandon Paiber 67′), Nicolas Garcia(c), Emiliano Callegari, Jan Busuttil, Ryan Camenzuli

Valletta FC – Alessandro Guarnone(GK) (Yenz Cini 82′), Ryan Camilleri (Shaun Dimech 68′), Triston Caruana, James Arthur, Christian Gauci, Enmy Pena Beltre, Joseph Zerafa(c) (Michele Sansone 46′), Ivan Curjuric, Caio Prado, Mario Fontanella (Kevin Tulimieri 82′), Lucas Ribeiro Campos (Eslit Sala 68′)

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA