Formula 1
Formula 1 – Charles Leclerc jirbaħ il-pole position, Lewis Hamilton ser jitlaq mis-seba’ post

Charles Leclerc rebaħ il-pole position f’pajjiżu meta fil-provi uffiċjali spiċċa fl-ewwel post anke jekk ħabat fl-aħħar dawra tiegħu. Leclerc waqqaf l-aħħar sessjoni 18-il sekonda mit-tmiem meta daħal fil-barrikati u ntweriet il-bandiera l-ħamra. Għalkemm s’issa ma ħareġ l-ebda komunikat mill-FIA, Leclerc qed jittama li bil-ħabta ma laqatx il-gearbox, għax jekk kemm-il darba din ikollha tinbidel, allura jitlef ħames postijiet.

L-Olandiż tar-Red Bull Max Vertsappen xejn ma kien kuntent bil-ħabta tas-sewwieq tal-Ferrari, tant li fuq ir-radio nstema’ jirrabja bl-ikrah, għaliex kien qed jittama li jirbaħ il-pole position hu. B’hekk Verstappen għada jitlaq mit-tieni post filwaqt li Valtteri Bottas fuq il-Mercedes ser jitlaq mit-tielet post. Carlos Sainz fuq il-Ferrari l-oħra jibda mir-raba’ u Lando Norris tal-McLaren ser jibda l-ħames. Waranofsinhar xejn pożittiv għal Lewis Hamilton li għada ser jitlaq mis-seba’ post.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA