
Fi tmiem il-ġimgħa tirritorna l-Formula 1 bil-Grand Prix tal-Bahrain, l-ewwel tellieqa wara li Lewis Hamilton rebaħ is-seba’ kampjonat. B’kollox fadal tlett itlielaq għal tmiem l-istaġun, u l-Brittaniku għadu biċ-ċans li jkollu l-aqwa kampjonat ta’ kull żmien fil-karriera tiegħu. Jekk kemm-il darba jirnexxielu jirbaħ l-aħħar tlett itlielaq, allura jkun sar it-tielet sewwieq li rnexxielu jirbaħ 13-il tellieqa fi staġun wieħed. S’issa huma biss Michael Schumacher u Sebastien Vettel li laħqu dan it-tragward. Lewis Hamilton għadu ma laħaqx ir-rekord personali tiegħu, ta’ 11-il tellieqa fi staġun wieħed u qed jittama li fil-Bahrain jilħaq dan ir-rekord.
It-tellieqa tal-Ħadd li ġej, bħal ħafn’oħrajn li kellna din is-sena, ser tkun bil-magħluq minħabba l-pandemija tal-Covid-19, biss ser jitħallew jidħlu ftit persuni li huma familjari ta’ persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa fil-Bahrain.