Formula 1
Formula 1: Il-Mercedes jirbħu s-sitt kampjonat konsekuttiv tal-kostrutturi

Fil-Ġappun, il-Mercedes rebħu s-sitt kampjonat konsekuttiv tal-kostrutturi wara li s-sewwieqa tagħhom spiċċaw l-ewwel u t-tielet, bil-Ferrari jkollhom tellieqa oħra pjuttost diżappuntanti wara li Vettel u Leclerc telqu mill-ewwel żewġ postijiet fil-pole position.

Wara li għat-tielet darba fuq dan iċ-ċirkwit, il-pole position kellha ssir fil-ġurnata tat-tellieqa minħabba l-maltemp, Vettel rebaħ il-pole position, b’Leclerc jagħmel it-tieni l-aħjar ħin, u fiż-żewġ postijiet ta’ warajhom kien hemm il-Mercedes ta’ Bottas u Hamilton. Fil-ħruġ Vettel għamel jump start u b’hekk ta ċ-ċans lil Bottas jaqbżu minn warajh, filwaqt li Leclerc u Verstappen spiċċaw ħabtu f’xulxin, bis-sewwieq tar-Red Bull jitlef ħafna pożizzjonijiet, filwaqt li Leclerc kellu jidħol fil-pit minħabba ħsara fil-karozza.

Għall-kumplament tat-tellieqa Bottas baqa’ fuq quddiem, u għalkemm Hamilton prova jaqbeż lil Vettel lejn it-tmiem, il-Ġermaniż irnexxielu jżomm il-pressjoni tal-Brittaniku biex daħal it-tieni. Għal Bottas din kienet it-tielet rebħa f’dan l-istaġun, wara r-rebħiet fl-Awstralja u l-Ażerbajġan. Charles Leclerc irnexxielu jispiċċa t-tellieqa fis-sitt post, imma dan ma kienx biżżejjed biex il-Ferrari jibqgħu jiġġieldu għall-kampjonat tal-kostrutturi u b’hekk il-Mercedes setgħu jiċċelebraw suċċess ieħor matul dan l-istaġun.

Meta fadal ħamest itlielaq għal tmiem l-istaġun, Lewis Hamilton u Valtteri Bottas huma l-uniċi żewġ sewwieqa li għadhom jisfidaw għal dan il-kampjonat u allura l-Mercedes ser iwaqqfu rekord ġdid li għal sitt snin konsekuttivi jirbħu l-kampjonati tal-kostrutturi u tas-sewwieqa.

Fit-tellieqa tal-Ħadd, Albon daħal ir-raba’ fuq Red Bull, segwit minn Sainz fuq McLaren, Leclerc fuq Ferrari u Ricciardo fuq Renault.

Lewis Hamilton jinsab fl-ewwel post tal-klassifika segwit minn Valtteri Bottas, b’Charles Leclerc jinsab fit-tielet post.

Il-Grand Prix li jmiss ser isir fil-Messiku bejn il-25 u s-27 t’Ottubru.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Formula 1

Lewis Hamilton żar iċ-ċentru tal-Mercedes-AMG Petronas fl-Ingilterra sabiex jiċċelebra s-sitt kampjonat personali tal-Formula 1 u s-sitt kampjonat konsekuttiv tal-kostrutturi għat-tim tiegħu. Hamilton flimkien ma’ Valtteri Bottas u l-maniġer Toto Wolff…

Formula 1

Nhar il-Ħadd li għadda fil-Grand Prix t’Austin, l-Istati Uniti, Lewis Hamilton rebaħ is-sitt kampjonat tal-Formula 1 fil-karriera tiegħu. Sitt kampjonati li rebaħhom f’perjodu ta’ 11-il sena. Kien fl-2008 meta mal-McLaren…

Formula 1

Il-Brittaniku Lewis Hamilton fuq karozza Mercedes irnexxielu jissiġilla r-rebħ tal-kampjonat 2019 tal-Formula 1 meta fil-Grand Prix tal-Istati Uniti u temm fit-tieni post minkejja li beda t-tellieqa mil-ħames filliera. Dan kien…

Formula 1

Formula 1 – Lewis Hamilton kien l-aktar veloċi fl-ewwel żewġ sessjonijiet tal-provi liberi fil-Grand Prix t’Austin, l-Istati Uniti. Hamilton kien aktar veloċi minn Charles Leclerc tal-Ferrari u Max Verstappen tar-Red…

Aktar