Formula 1
Formula 1: Imut iċ-champion Niki Lauda

Tħabbret il-mewt tal-ex sewwieq tal-Formula 1 Niki Lauda. Huwa miet fl-età ta’ 70 sena, xhur wara li sarlu trapjant tal-pulmun f’Awwissu tas-sena l-oħra. L-aħbar ħarġet ftit tas-sigħat ilu mit-tim tal-McLaren, bid-dinja tal-Formula 1 tmur f’luttu għal din l-aħbar ta’ swied il-qalb. Żgur li Niki Lauda jibqa’ magħruf għall-inċident ikrah fuq iċ-ċirkwit ta’ Nurburgring fl-1976, ftit tax-xhur wara li kien għadu kif rebaħ l-ewwel kampjonat tiegħu fil-Formula 1.

Fl-istaġun tal-1976 kulħadd kien donnu qata’ qalbu li Lauda jista’ jerġa’ jirritorna għat-tlielaq, imma d-determinazzjoni tal-Awstrijak wasslitu sabiex mhux biss reġa’ beda jtellaq, imma rebaħ żewġ kampjonati oħra, fl-1977 u fl-1984. Meta seħħ l-inċident, fl-1976, Lauda kien jinsab fl-ewwel post tal-klassifika, u għal raġuni li sal-lum qatt ma kienet identifikata, l-Awstrijak deher jitlef il-kontroll tal-karozza li wara li ħabtet mal-ħajt ġiet ballun tan-nar, u nqabad fiha għal madwar minuta sħiħa. Ix-xena kienet kommoventi għaliex anke sewwieqa oħra kienu waqqfu l-karozza tagħhom biex jinżlu jgħinu lil Lauda joħroġ mill-karozza ħuġġieġa.

Sitt ġimgħat wara dak l-inċident ikrah li għal ftit ma swielux ħajtu, Lauda kien irritorna fil-karozza fl-Grand Prix ta’ Monza u dakinhar spiċċa fir-raba’ post. B’kollox kien tilef żewġt itlielaq, u fl-aħħar tellieqa tal-1976 li saret fil-Ġappun, Lauda kien jinsab bi tliet punti vantaġġ fuq James Hunt. Biss wara żewġ laps mit-tellieqa, huwa rtira għaliex qal li s-sewqan f’dik ix-xita kollha ma kienx jagħmel sens u Hunt kien rebaħ dak il-kampjonat.

Fl-2013, id-direttur tal-films, l-Amerikan Ron Howard kien ħareġ il-film “Rush,” li kien iddeskriva sew il-ħajja ta’ Niki Lauda, kemm waqt it-tlielaq u anke fil-ħajja barra ċ-ċirkwit.

Niki Lauda rtira mill-Formula 1 fl-1979 wara li kien rebaħ żewġ kampjonati mal-Ferrari, u għamel dan sabiex jaqbad karriera fl-avjazzjoni, imma sa 3 snin wara reġa’ beda jtellaq, din id-darba mal-McLaren u magħhom rebaħ il-kampjonat tal-1984.

Avolja waqaf mis-sewqa, Lauda dejjem baqa’ viċin tal-Formula 1. Kien kummentatur televiżiv, konsulent tal-Ferrari fid-disgħinijiet, kif ukoll kien imexxi lit-tim tal-Jaguar fis-snin elfejn. Fl-2012 sar iċ-chairman tal-Mercedes mingħajr drittijiet eżekuttivi.

F’Jannar li għadda Lauda ddaħħal l-isptar minħabba influwenza qawwija. L-inċident tal-1976 żgur li kellu impatt qawwi fuq saħħtu għaliex qabel it-trapjant tal-pulmun kellu bżonn żewġ trapjanti tal-kliewi. Fl-aħħar xhur saħħtu baqgħet sejra lura sakemm ħalla din id-dinja mdawwar mill-familjari t-Tlieta kmieni filgħodu.

Niki Lauda twieled fit-22 ta’ Frar 1949, fi Vjenna, l-Awstrija. F’ħajtu Lauda kellu b’kollox ħamest itfal, erba’ subien u tifla minn relazzjonijiet differenti. Huwa rebaħ il-kampjonat tal-Formula 1 fl-1975, 1977 u fl-1984 mat-timijiet tal-Ferrari u l-McLaren.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Formula 1

Formula 1: Is-sewwieq Pollakk Robert Kubica ħabbar li fi tmiem il-kampjonat ta’ din is-sena mhux se jibqa’ jsuq mal-Williams. Kubica kien għamel ritorm fil-Formula 1 wara li tmien snin qabel…

Formula 1

Skond rapporti fil-media l-ex sewwieq tal-Formula 1 Michael Schumacher iddaħħal fi Sptar f’Pariġi dan sabiex isirlu trattament mediku sigriet. Schumacher li għalaq 50 sena fit-3 ta’ Jannar ilu ma’ jidher…

Formula 1

F1: Is-sewwieq żagħżugħ ta’ 21 sena Charles Leclerc paxxa lill-ferraristi bl-ewwel rebħa tal-kampjonat 2019 hekk kif rebaħ il-Grand Prix tal-Belġju fi Spa Francochamps. Din kienet ukoll l-ewwel rebħa fil-karriera għas-sewwieq…

Formula 1

Charles Leclerc ser jibda mill-pole position fil-Grand Prix t’għada fi Spa Francorchamps dan wara lil sieħbu Sebastian Vettel 0.738 sekondi li ser jibda mit-tieni post. Mit-tielet posizzjoni ser jibda l-Brittaniku…

Aktar