Motorsport
Formula 1: Ix-xahrejn li ġejjin kruċjali ħafna għall-Ferrari

Ftit tal-jiem qabel il-Grand Prix tal-Kanada, is-sewwieq Ġermaniż Sebastien Vettel ammetta li x-xahrejn li ġejjin huma kruċjali għall-Ferrari, dwar jekk hux se jisfidaw għall-kampjonat kemm tas-sewwieqa kif ukoll tal-kostrutturi. Wara l-ewwel sitt itlielaq, il-Ferrari diġa’ jinsabu maqtugħin b’aktar punti mill-Mercedes milli kienu fi tmiem il-kampjonat tas-sena li għaddiet. Agħar minn hekk, Vettel diġa’ jinsab 55 punt ‘il bogħod minn Lewis Hamilton.

Filwaqt li l-Mercedes brillaw, u fl-ewwel ħamest itlielaq dejjem irnexxilhom idaħħlu l-karozzi tagħhom fl-ewwel żewġ postijiet, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Ferrari, li daqqa għal ħaġa u daqqa għal oħra, batew ħafna fl-ewwel tiġrijiet u jekk mhux se jinġabru qabel il-vaganzi tas-sajf, allura jkunu jistgħu jgħidu addio lil staġun ieħor tal-Formula 1.

Skont Charles Leclerc, bħala tim definittivament li stennew ħafn’aktar minn dak li rnexxilhom jiksbu, imma sakemm hemm it-tama se jibqgħu jiġġieldu. “Irridu nibqgħu nagħfsu sal-aħħar u hekk qed nippruvaw nagħmlu; qegħdin nippruvaw nitgħallmu mill-iżbalji tagħna. Ninsab ċert li r-riżultati se jaslu,” sostna Leclerc.

Skont Vettel, il-mekkaniċi qegħdin jaħdmu lejl u nhar biex isolvu l-problemi li qed jinqalgħu fil-karozza, u dan jista’ jiġi ppruvat biss waqt it-tlielaq meta l-iScuderia tibda ġġib ir-riżultati. Il-problema għall-Ferrari hi li filwaqt li għadhom qegħdin jikkumbattu mal-problemi ta’ dan l-istaġun, bil-mod il-mod iridu jibdew jaħsbu fil-karozza tas-sena d-dieħla, u allura l-problemi tal-2019 jista’ jkollhom impatt negattiv fuq ir-riżultati tal-2020 ukoll.

Il-Grand Prix li jmiss se ssir fil-Kanada bejn illum u nhar il-Ħadd li ġej. Din se tkun is-seba’ Grand Prix tal-istaġun, fejn s’issa, fil-klassifika tas-sewwieqa, Lewis Hamilton jinsab l-ewwel b’137 punt, segwit minn Valtteri Bottas b’120 punt. Sebastien Vettel jinsab fit-tielet post bi 82 punt.

Fil-klassifika tal-kostrutturi, fl-ewwel post ovvjament hemm il-Mercedes li għandhom 257 punt, Ferrari t-tieni b’139 punt u warajhom ir-Red Bull Racing Honda b’110 punti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra

Jonathan Rea rebaħ it-tappa tal-kampjonat mondjali tas-Superbikes li saret Moorland Aragon biex estenda l-vantaġġ tiegħu fil-klassifika overall. Rea telaq mit-tieni post u nqabeż fl-ewwel dawra minn Scott Redding b’Michael Rinaldi…

Is-sewwieq tal-karting Gianluca Dingli irritorna minn Lonato fejn il-Ħadd li għadda kkompeta fit-tielet rawnd tal-kampjonat Rok Cup Italia. Dingli kkompeta fil-klassi Super Rok li kienet tikkonsisti minn 14 il-sewwieq minn…

Il-Ġappuniż Takuma Sato rebaħ l-Indianapolis 500 għat-tieni darba f’temp t’erba’ snin, biss din id-darba temm it-tellieqa taħt superviżjoni wara li kien hemm ħabta. Matul it-tellieqa Sato kellu taqtiegħa kontinwa ma’…

Indycar 500: Id-darbtejn Champion tad-Dinja tal-Formula 1 l-Ispanjol Fernando Alonso għada se jerġa’ jipprova jirbaħ il-tellieqa Indianapolis 500 fit-tielet tentattiv tiegħu. Jekk Alonso jirnexxielu jirbaħ l-Indy 500 għada, hu jsir…

Aktar