Formula 1
Formula 1: Lewis Hamilton mhux jinġarr mill-bidu eċċezzjonali li kellhom il-Mercedes

Il-bidu eċċezzjonali li kellhom il-Mercedes f’dan l-istaġun tal-Formula 1 mhuwiex biżżejjed sabiex jikkonvinċi lil Lewis Hamilton li għal darb’oħra t-tim Ġermaniż jista’ jirbaħ il-kampjonat tal-kostrutturi. Skont il-Brittaniku, l-istaġun għadu fil-bidu tiegħu u għalkemm il-Mercedes kellhom bidu tal-ħolm f’dan il-kampjonat, kollox għadu jista’ jseħħ minħabba li t-timijiet avversarji żgur ser ikunu qed jagħmlu dak kollu possibbli biex ilaħħqu magħhom.

Il-Mercedes bdew l-istaġun bi tliet one-twos, tragward li kien ilu ma jintlaħaq minn xi tim sa mill-1992 meta dakinhar kienu l-Williams li rebħu l-ewwel tlett itlielaq. Lewis Hamilton rebaħ it-tlielaq taċ-Ċina u tal-Bahrain, wara li fl-ewwel tellieqa fl-Awstralja kien il-Finlandiż Valtteri Bottas li daħal l-ewwel.

Għalkemm matul it-testijiet qabel beda l-kampjonat il-Ferrari dehru b’saħħithom ħafna, s’issa għad ma rnexxilhomx ikollhom tmiem il-ġimgħa sodisfaċenti għall-aħħar, u fil-Bahrain kellhom diżappunt kbir meta Charles Leclerc kellu ħsara fil-magna.

B’dan kollu quddiemu, Lewis Hamilton xorta jħoss li f’dan l-istaġun mhumiex ser jiġru bit-tim tal-Ferrari. “Qegħdin fil-massimu tagħna, u għalkemm fil-Bahrain ma nistgħux nieħdu l-mertu kollha tar-rebħa, xorta konna fil-pożizzjonijiet ideali biex fl-aħħar mill-aħħar ħriġna rebbieħa. Il-Ferrari għandhom żewġ karozzi tajbin ħafna imma jidher li s’issa għadhom ma laħqux il-potenzjal tagħhom.

Tim ieħor li s’issa ddiżappunta kien ir-Red Bull li għad ma rnexxilhomx ilaħħqu l-pass la tal-Ferrari u wisq anqas tal-Mercedes. Għalkemm fil-provi dejjem jidhru li jistgħu jagħtu kedda lill-avversarji, dakinhar tat-tellieqa qiegħda tmur xi ħaġa hażin u jispiċċaw iqajmu aktar mistoqsijiet minflok jikkonvinċu. Imma skont Hamilton, “mhijiex qiegħda tikbrilna rasna, irridu nibqgħu naħdmu. U għalkemm forsi qegħdin maqtugħin mir-Red Bull, mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-Ferrari, u ġejjin tlielaq li żgur ser iħossuhom aktar komdi milli nħossuna aħna. F’dan l-istaġun irid ikollok tmiem il-ġimgħa perfett minn logħba għall-oħra, mill-bqija tista’ tinsa li tirbaħ xi ħaġa.”

Il-Grand Prix li jmiss ser ikun f’Baku, l-Ażerbajġan bejn is-26 u t-28 t’April, bil-karozzi jiġu kollha fl-Ewropa għat-tellieqa fi Spanja, fejn il-Ferrari kienu dejjem l-aktar veloċi waqt l-ittestjar li sar qabel beda l-istaġun.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Formula 1

Il-Grand Prix tal-Messiku ser jibqa’ fil-kalendarju tal-Formula 1 għat-tliet snin illi ġejjin wara li kien iffirmat kuntratt ġdid. L-isem tat-tellieqa ser jinbidel għal Mexico City Grand Prix mis-sena d-dieħla, fejn…

Formula 1

Lewis Hamilton rebaħ il-Grand Prix li saret illum fl-Ungerija. Din kienet is-seba’ rebħa ta’ Hamilton fl-istess ċirkwit fil-karriera tiegħu. It-tellieqa kienet waħda eċċittanti sal-aħħar b’Hamilton li rnexxielhu jmur fuq quddiem…

Formula 1

Max Verstappen ta’ Red Bull se jkun qed jitlaq mill-Pole Position tal-Grand Prix tal-Ungerija li se ssir għada l-Ħadd. Il-leader tal-klassifika tas-sewwieqa u tal-kostrutturi Lewis Hamilton se jkun qed jitlaq…

Formula 1

Fl-aħħar ġimgħat, saħħet Michael Schumacher qalbet għall-aħjar u qed isegwi l-kampjonat tal-Formula 1 minn fuq it-televiżjoni. Din l-aħbar żvelaha Jean Todt, ħabib intimu tal-Ġermaniż u l-imgħallem tiegħu fi żmien meta…

Aktar