Formula 1
Formula 1: Lewis Hamilton ser iżur il-fabbrika sabiex jifhem x’mar ħażin fl-Awstralja

Il-Brittaniku Lewis Hamilton ser ikun qiegħed jassisti lill-mekkaniċi matul dawn il-ħmistax sabiex jgħinhom jinvestigaw x’mar ħażin fl-ewwel tellieqa ta’ dan l-istaġun fl-Awstralja. Il-ħames darbiet ċampjin tad-dinja kien l-aħjar matul il-provi uffiċjali tas-Sibt, biex irnexxielu jirbaħ l-84 pole position fil-karriera tiegħu. Imma dan kollu tar mar-riħ meta fil-bidu tat-tellieqa, Hamilton beda ħażin ħafna, tant li Valtteri Bottas qabżu sal-ewwel dawra u baqa’ fuq quddiem sa tmiem it-tellieqa b’vantaġġ komdu ħafna.

Din kienet ir-raba’ sena konsekuttiva fejn Hamilton spiċċa t-tieni f’Albert Park, u mar-raba’ lap kellu anke ħsara minima fil-karozza li tellfitu ħin prezzjuż matul il-kumplament tat-tellieqa. Wara t-tellieqa, Hamilton għamilha ċara li matul din il-ġimgħa kien ser jirritorna fl-Ewropa u jżur il-fabbrika sabiex jara eżattament x’ġara matul it-tellieqa tal-Ħadd li għadda.

Għall-Finlandiż Bottas, din kienet l-ewwel rebħa sa mill-Grand Prix f’Abu Dhabi sentejn ilu, u barra minn hekk ħa anke l-punt addizzjonali għaliex għamel l-aħjar lap fit-tellieqa, sistema ġdida li bdiet minn dan l-istaġun.

Lewis Hamilton kien ukoll sorpriż bil-wirja xejn konvinċenti tal-Ferrari, li wara li dehru b’saħħithom ħafna waqt l-ittestjar tal-karozza, nhar il-Ħadd li għadda spiċċaw fir-raba’ u l-ħames punt, b’madwar minuta distakk minn Bottas. L-inkwiet għat-tim tal-Mercedes jidher li jista’ jiġi miż-żagħżugħ Olandiż Max Vertsappen, li l-Ħadd irnexxielu jitla’ għall-ewwel darba fuq il-podju fl-Awstralja, bil-karozza Red Bull issa għandha magna Honda, u allura dan kien ukoll l-ewwel podju għall-Honda sa mill-GP tal-Ingilterra 11-il sena ilu.

It-tellieqa li jmiss ser tkun fl-aħħar ġurnata ta’ dan ix-xahar fil-Bahrain, u wieħed irid jara kif ser tiżvolġi t-taqtiegħa bejn il-Mercedes, ir-Red Bull u l-Ferrari. Hamilton min-naħa tiegħu qiegħed jipprova jżomm it-titlu u jirbħu għas-sitt darba, filwaqt li l-Ferrari jridu jqumu fuq tagħhom għax ma jistgħux jerġgħu jħallu lill-Mercedes jiġru bil-kampjonat kif għamlu s-sena l-oħra.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Formula 1

Ser ikunu tliet timijiet tal-Formula 1 li ser jipprovdu l-karozzi tagħhom lill-kumpanija Pirelli sabiex jippruvaw t-tures 18-inch għall-istaġun 2021. Skont Mario Isola, wieħed mid-diretturi tal-Pirelli, “jekk kollox imur kif ippjanat,…

Formula 1

Il-bidu eċċezzjonali li kellhom il-Mercedes f’dan l-istaġun tal-Formula 1 mhuwiex biżżejjed sabiex jikkonvinċi lil Lewis Hamilton li għal darb’oħra t-tim Ġermaniż jista’ jirbaħ il-kampjonat tal-kostrutturi. Skont il-Brittaniku, l-istaġun għadu fil-bidu…

Formula 1

Il-Brittaniku tal-Mercedes Lewis Hamilton rebaħ il-Grand Prix taċ-Ċina li sar f’Shangai dalgħodu, Grand Prix li kien l-elf wieħed fl-istorja tal-Formula 1. Hamilton qabeż lil Bottas li kellu l-Pole u qatt…

Formula 1

Charles Leclerc rebaħ l-ewwel pole position tal-karriera tiegħu fl-età ta’ 21 sena u 166 ġurnata meta fuq iċ-ċirkwit ta’ Bahrain issorprenda bil-karozza Ferrari. L-Iscuderia kienu b’saħħithom mill-provi tal-bieraħ, b’Leclerc ikun…

Aktar