Tennis
Formula 1: Ricciardo jirbaħ f’Monza. Hamilton u Verstappen jaħbtu u ma jkomplux il-Grand Prix

Formula 1: Is-sewwieq ta’ McLaren l-Awstraljan Daniel Ricciardo rebaħ l-erbtax -il Grand Prix ta’ dan l-istaġun li sar il-Ħadd f’Monza fl-Italja. Kien Grand Prix emozzjonanti u sa ċertu punt wieħed li ħoloq kontroversja u tensjoni l-aktar meta r-rivali f’dawn l-aħħar sentejn Max Verstappen ta’ Red Bull u Lewis Hamilton ta’ Mercedes kellehom impatt bejn il-karozzi tagħhom li wassal sabiex it-tnejn li huma ma’ jispiċċawx it-tellieqa hekk kif l-impatt bejniethom seħħ mal-liwja wara li Hamilton kien għadu kif ħiereg mill-pit stop.

Iżda dan l-inċident ma’ jtappan xejn il-mertu ta’ Ricciardo li rebaħ dan il-Grand Prix quddiem sieħbu Lando Norris biex b’hekk il-Mc Laren kisbu d-doppjetta.

Ricciardo kien ilu ma jirbaħ Grand Prix mir-rebħa tal-Grand Prix ta’ Monaco tas-sena 2018 meta hu dakinhar kien qed isur mat-tim Red Bull.

Din ir-rebħa għal-McLaren tasal wara nixfa twila ta’ 9 fuq l-ogħla tarġa tal-podju. Fit-tielet post daħal is-sewwieq ta’ Mercedes Valteri Bottas wara li s-sewwieq ta’ Red Bull Sergio Perez inagħta penalita’ ta’ ħames sekondi. Iż-żewġ sewwieqa tal-Ferrari Charles Leclerc u Carlos Sainz spiċċaw fir-4 u 6 post rispettivament.

Issa fil-klassifika ġenerali tas-sewwieq l-ewwel jibda Max Verstappen b’ħames punti vantaġġ fuq Lewis Hamilton li t-tnejn li huma l-Ħadd baqgħu b’idhom vojta.

Fil-Klassifka tal-kostrutturi l-ewwel jibqgħu l-Mercedes b’vantaġġ ta’ 18 -il punt fuq ir-Red Bull.

Il-Grand Prix li jmiss issa huwa skedat għal-Sochi r-Russja fis-26 ta’ Settembru.

 

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.