Motorsport
Formula 1: Sebastien Vettel jidħol l-ewwel fil-GP tal-Kanada imma r-rebħa tingħata lil Lewis Hamilton

Il-Brittaniku Lewis Hamilton rebaħ il-Grand Prix tal-Kanada f’nofs kontroversja, u għad hemm iċ-ċans li kollox jerġa’ jdur hekk kif il-Ferrari diġa’ wrew l-intenzjoni li se jappellaw mid-deċiżjoni tal-istewards.

Sebastien Vettel fuq il-Ferrari telaq minn quddiem wara li s-Sibt rebaħ il-pole position, u fit-tellieqa tal-Ħadd spiċċa anke daħal l-ewwel, imma ma kien hemm l-ebda ċelebrazzjoni la mis-sewwieq u lanqas mit-tim fil-garaxx. Dan minħabba li matul it-tellieqa l-Ferrari kienu infurmati li Vettel kellu 5 sekondi penalità minħabba manuvra li tqieset perikoluża waqt it-tellieqa. Li seħħ kien li wara li għal diversi laps Vettel kellu pressjoni sħiħa minn Hamilton, fit-48 lap il-Ġermaniż baqa’ sejjer fuq il-ħaxix u rritorna lura fuq it-track eżatt qabel Hamilton, bil-Brittaniku jkollu jieħu break b’saħħtu ħafna biex ma jispiċċax ġol-ħajt.

L-investigazzjoni mill-istewards baqgħet għaddejja għal ftit laps mhux ħażin sakemm ħarġet id-deċiżjoni li Vettel kien irritorna lura fit-track perikolożament u allura d-deċiżjoni li jingħata 5 sekondi penalità daħlet fis-seħħ. Din id-deċiżjoni ġabet rabja kbira fit-tim tal-Ferrari u s-sewwieq innifsu li fuq it-team radio nstema’ jgħid li ma kellu mkien aktar fejn imur, u li qegħdin jisirqu t-tellieqa minn idejhom. Vettel sa anke wasal biex qal, “din dinja ħażina, din mhijiex ġusta.”

Fl-istess waqt, it-tim tal-Mercedes bdew jisħqu ma’ Hamilton li jżomm kemm jista’ jkun inqas minn 5 sekondi distakk minn mal-Ġermaniż, u għalkemm fi tmiem it-tellieqa Hamilton ħareġ rebbieħ, hu stess qal li dak ma kienx il-mod kif xtaq li jirbaħ din it-tellieqa, il-ħames waħda f’dan l-istaġun, u s-seba’ waħda fil-Kanada, biex laħaq ir-rekord ta’ Michael Schumacher. Waqt il-preżentazzjoni tat-trofej kien hemm diversi partitarji li nstemgħu jibbujjaw waqt li Hamilton irċieva l-unur, filwaqt li qabel telgħu fuq il-podju, Vettel deher iċaqlaq is-sinjal numru 1 minn quddiem il-Mercedes tal-Brittaniku u bidlu man-numru 2 li kien hemm quddiem il-karozza tiegħu.

Fit-tielet post spiċċa Charles Leclerc fuq il-Ferrari filwaqt li Valtteri Bottas daħal fir-raba’ post.

F’aktar żviluppi wara t-tellieqa, il-Ferrari ssottomettew l-intenzjoni tagħhom li se jkunu qegħdin jappellaw mid-deċiżjoni tal-5 sekondi penalità fil-konfront tas-sewwieq tagħhom, Sebastien Vettel. Dawk il-5 sekondi swew ir-rebħa lill-Ġermaniż, bil-Ferrari se jappellaw id-deċiżjoni li ħadu l-istewards taħt Artiklu 38.1 tar-regolamentati sportivi tal-Formula 1. Għaldaqstant, it-tim Taljan għandu 96 siegħa sabiex jiġbor l-evidenza kollha possibli u tittieħed id-deċiżjoni finali jekk jappellawx jew le.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Motorsport

Iċ-champion renjanti Marc Marquez rebaħ f’pajjiżu fil-Moto GP tal-Katalunja. Dan wara li fil-bidu tat-tellieqa, mat-tieni lap, diversi sewwieqa spiċċaw mal-art b’Jorge Lorenzo jkun wieħed minnhom. Il-Franċiż Fabio Quartararo spiċċa t-tieni,…

Motorsport

Motorsport: L-ex Champion tad-Dinja tal-Formula 1 għal darbtejn Fernando Alonso rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena 2019 ta’ Le Mans 24. Flimkien mas-sewwieqa l-oħra tat-team fuq Toyota Kazuki Nakajima u Sebastien…

Motorsport

L-Amerikan Travis Pastrana qiegħed jittama li jkollu suċċess kbir meta għall-ewwel darba, in-Nitro World Games se jsiru barra l-Istati Uniti. Dan is-sewwieq, li fl-2017 niżżel ismu fl-istorja meta għamel backflip…

Motorsport

Kamui Kobayashi poġġa lit-Toyota fil-pole position proviżorju għat-tellieqa ta’ Les Mans. It-Toyota huma ċ-champions renjanti u allura jridu jiddefendu t-titlu li rebħu s-sena li għaddiet b’Alonso, Nakajima u Buemi. Il-Ġappuniż…

Aktar