Oħrajn
Formula 1 virtwali: Nechev jibda b’rebħa fl-ewwel tellieqa

L-ewwel tellieqa tal-kampjonat V1 Malta Series organizzat minn Velocity Esports Racing rat lil Simeon Nechev jirbaħ fuq Alfa Romeo segwit minn Jake Sammut ta’ Haas, b’Adrian Manduca tal-McLaren jispicca fit-tielet post.

Il-provi tal-kwalifiki għal dan il-Grand Prix virtwali tal-Formula wieħed kienu ddominati mix-xita li laqtet f’nofs is-sessjoni. Eventwalment ic-campjin renjanti Ryan Carabott kiseb il-pole position għal Racing Point b’Sammut u Nechev isegwu fit-tieni u t-tielet post.

Carabott telaq tajjeb fil-ħruġ iżda ma kinitx l-istess storja għal Sammut li tilef it-tieni pożizzjoni lil Nechev qabel l-ewwel kantuniera. Is-sewwieq tal-Alfa Romeo ttanta’ jipprova jaqbeż lil Carabott għall-ewwel post fit-tielet kantuniera iżda dan tal-aħħar żamm sod.

Carabott beda’ jiftaħ marġni tajjeb fuq it-tieni post iżda b’sorpriża fit-tielet dawra huwa tilef il-kontroll tar-Racing Point tiegħu u rtira immedjatament. Fid-disa’ dawra Sammut kellu incident ħafif waqt li pprova’ jieħu r-riedni tat-tellieqa mingħand Nechev, ħaġa li waqqgħetu għar-raba’ post wara Manuel Schembri fuq AlphaTauri.

L-erba’ ta’ quddiem għamlu l-pitstop mandatorja tagħhom fid-disa’ u l-għaxar dawriet, bi Clinton Falzon fuq il-Haas l-oħra jassumi t-tmexxija tat-tellieqa sat-tmintax-il dawra meta għamel il-pitstop tiegħu.

Minkejja l-pressjoni kontinwa Nechev żamm sod u kiseb l-ewwel rebħa tal-istaġun. Fl-aħħar dawra Schembri rnexxielu jitla’ fit-tieni post wara li qabeż lil Manduca iżda dan spicca niżel fir-raba’ post fil-klassifika finali wara li kienu applikati diversi penalitajiet. Kien hemm ukoll penalitajiet għal Manduca li madanakollu żamm it-tielet post li kiseb fuq it-trakka. Dan ifisser li Sammut rnexxielu jitla’ fit-tieni post fil-klassifika finali.

Il-kampjonat issa jmur lejn il-Bahrain għall-Grand Prix li ser isir fit-12 ta’ Ottubru li ġej.

Miktub minn...
TVM Sport