Motorsport
Formula E – Jake Dennis jirbaħ l-ewwel tellieqa tiegħu fil-kompetizzjoni

Iż-żagħżugħ Brittaniku Jake Dennis rebaħ l-ewwel tellieqa f’din il-kompetizzjoni fuq il-BMW i Andretti f’dan l-istaġun. Din kienet it-tieni tellieqa minn tnejn li saret fiċ-ċirkwit Ricardo Tormo ta’ Valencia.

Il-Brittaniku ta’ 25 sena telaq minn quddiem u baqa’ jżomm l-ewwel post sat-tmiem, u fetaħ vantaġġ ta’ 1.483 sekondi fuq Andre Lotterer li daħal it-tieni fuq il-Porsche. Alex Lynn fuq il-karozza Mahindra spiċċa t-tielet.

Ma’ tmiem it-tellieqa kien il-Franċiż Norman Nato fuq il-Venturi li daħal it-tieni, imma spiċċa bla podju wara li żdidulu ħames sekondi mal-ħin tiegħu minħabba li ħabat ma’ Lynn aktar kmieni fit-tellieqa.

Din it-tellieqa kienet waħda stramba għall-aħħar meta ħadd mill-ewwel ħames sewwieqa fil-klassifika ma rnexxilu jikseb xi punti, u allura wara l-ewwel sitt itlielaq, is-sitwazzjoni għadha l-istess fin-naħa ta’ fuq. Nyck de Vries fuq il-Mercedes-EQ jinsab l-ewwel b’57 punt, segwit minn sieħbu tal-istess tim Stoffel Vandoorne li għandu 48 punt, filwaqt li Sam Bird fuq il-Jaguar għandu 43 punt.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA