Futbol lokali
‘Forward Together’…Bjorn Vassallo jniedi l-kampanja tiegħu: “Irrid li jsir progress u dan jista’ jkun ikkalkulat mir-riżultati li nġibu f’din il-viżjoni sal-2027”

‘Forward Together’…’Flimkien ’il Quddiem’, hu l-isem tal-kampanja ta’ Bjorn Vassallo, kandidat għall-elezzjoni ta’ President tal-Malta Football Association, li se ssir fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-20 ta’ Lulju li ġej.

F’konferenza ta’ aktar minn siegħa u nofs li saret dalgħodu fit-trakka tal-atletika Matthew Micallef St John, fil-Marsa, l-ex Kap Eżekuttiv u Segretarju Ġenerali tal-MFA, ta spjegazzjoni tal-qafas tal-programm tiegħu għall-Assoċjazzjoni u għall-futbol Malti, jekk kemm-il darba jiġi elett fil-kariga.

Viżjoni 2027

Vassallo beda d-diskors tiegħu billi preżenta ekosistema ta’ ħames pilastri li fuqhom se tkun qed timxi l-MFA taħt il-presidenza tiegħu. Dawn huma kompetizzjonijiet sodisfaċenti, Fair Play u sostenibbilità finanzjarja, Solidarity Funds Distribution, Appoġġ għall-iżvilupp u l-parteċipazzjonijiet tal-programmi u Edukazzjoni, Esperti fil-qasam u l-aqwa prattiċi.

“Fl-2016 kont għadni l-MFA taħt it-tmexxija ta’ Norman Darmanin Demajo sakemm irriżenjajt biex mort il-FIFA. Kont għidt lit-tmexxija preżenti biex jieħdu ħsieb ifasslu strateġija ġdida bi programm ġdid. Illum qiegħed hawn nippreżentaha jien.

“Il-mandat ta’ President tal-MFA fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li jmiss se jsir ta’ erba’ snin u għalhekk għażilt it-tema ‘Viżjoni 2027.’ Irrid li jsir progress u dan jista’ jkun ikkalkulat mir-riżultati li nġibu f’din il-viżjoni sal-2027. Fuq l-element amministrattiv irridu naħdmu fuq il-governanza. Il-flejjes hemm bżonn jintefqu fejn hemm l-aktar bżonn. L-objettvi tiegħi, jien se nkun ċar ħafna fuqhom,” qal Vassallo.

Vassallo qal li hu daħal fl-MFA meta dak iż-żmien kellha €3 miljuni turnover u qabel ma telaq ħalla Assoċjazzjoni b’turnover ta’ €9 miljuni.

Fuq livell ta’ żgħażagħ u nurseries, Bjorn Vassallo qal li bħalma kien għamel Fr Hilary Tagliaferro fil-passat, xtaq li jerġa jintroduċi l-iskema ‘Inħobb il-Futbol’ fejn fiha jagħtu sehmhom it-tfal kollha ta’ Malta u Għawdex.

Vassallo qal li l-istadium nazzjonali se jkun qed jgħaddi minn infrastruttura ġdida. Hu qal li dan se jibqa’ stadium Category 4, ikun jesa 10,000 spettatur u bi stiel Ingliż fejn tiġi eliminata t-trakka.

Hu qal li trid isir ukoll Futsal Arena u jiġġedded u jimmodernizza aktar ruħu ċ-Ċentru Tekniku ta’ Ta’ Qali fejn il-kowċ nazzjonali jkun il-bniedem li jibda jikkontrolla kollox.

Vassallo qal Malta għadha lura fejn jidħol laboratorju ‘Sports Science’ u għaldaqstant jixtieq li jinbena ċentru fejn l-aħjar elementi tal-futbol Malti jingħataw l-aħjar servizz.

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ President tal-MFA qal li jrid mill-kampjonat Malti joħroġ il-kunċett ta’ Lega bħalma teżisti fl-Italja. Hu qal li hemm bżonn li jinbidlu l-kategoriji tal-liċenzjar tal-klabbs għax fl-opinjoni tiegħu, kif inhu, hu wieħed fażul u li ma jaħdimx.

Bjorn Vassallo qal li jeħtieġ pjan strateġiku ġdid għar-referees lokali li jwassal sal-aħħar tal-mandat 2023. Hu qal li jrid isaħħaħ il-potenzjal tar-referees f’Malta u li hemm bżonn jinbidel dak li fl-aħħar snin ma kienx qed jaħdem. Vassallo qal li jixtieq li jiżdiedu l-appuntamenti internazzjonali fl-għola livelli għar-referees lokali.

Bjorn Vassallo kompla enfasizza l-ħtieġa li l-President il-ġdid tal-MFA irid jifhem il-problemi li jkunu għaddejjin minnhom il-klabbs.

“Il-President tal-MFA għandu jkun viċin il-klabbs u viċin in-nies li jmexxu l-klabbs, fuq il-ħaxix magħhom,” qal Vassallo.

Match Fixing

Fuq il-Match Fixing, Vassallo qal li jrid isir Memorandum of Understanding mal-Pulizija ta’ Malta. Hu qal li jara l-ħtieġa li jinġieb Pulizija li jkun b’saħħtu f’dan il-qasam u dan ikun l-Integrity Officer tal-MFA.

Early Retirement Scheme għall-impjegati tal-MFA

Bjorn Vassallo qal li fit-tmexxija tiegħu għandu post kull min hu tal-mestjier u għandu għal qalbu l-futbol Malti. Hu qal li wara tant snin fil-futbol, irid ikompli jara li l-Assoċjazzjoni u l-futbol Malti jmur aktar professjonali milli hu. Hu qal li lest joffri inċentivi għall-impjegati li ilhom snin jaħdmu fl-MFA u wasal żmien li jinbidlu.

“Ma nistax ninżel għal-livelli dilettanteski. Għandu post kulħadd fit-tmexxija tiegħi. Iżda rrid nies madwari li jifmhu fil-mestjier u jagħtuni s-soluzzjonijiet. Se noffri ‘early retirement scheme’ għal dawk il-ħaddiema tal-MFA li ilhom snin u wasal iż-żmien biex ngħidulhom ‘thank you’,” qal Vassallo.

Tim Malti f’kampjonat fl-Italja

Bjorn Vassallo tkellem dwar possibbiltà li tim Malti jilgħab f’kampjonat Taljan bħal-Lega Pro fejn il-plejers jadattaw ruħhom għal ħajja professjonali ta’ kuljum. Hu kkonferma li din il-possibbiltà teżisti u diġà tkellem ma’ persuni fl-FIGC li kkonfermawlu dan kollu. Vassallo qal li jekk Malta jirnexxielha tagħmel dan ma jkunx każ uniku peress li fl-Ewropa hawn ħafna timijiet minn pajjiżi li jilagħbu f’kampjonati ta’ pajjiżi oħra.

“Jien kont parti mis-sistema ta’ meta bdejna nibagħtu t-tfal barra. Nammetti li ma rnexxietx kif xtaqna.

“Tim Malti fil-Lega Pro hu opportunità biex it-tim nazzjonali Malti jgħolli l-livell tiegħu. Tkellimt mal-FIGC. Xi ħaġa li tista’ ssir. Hi l-istess ħaġa bħal meta ngħidu li plejers Maltin marru jilagħbu barra biex jgħollu l-livell. Li plejer Malti jilgħab barra minn Malta f’sistema ta’ tim Malti jkun qed jgħolli l-livell xorta waħda,” qal Vassallo.

Mistoqsi minn TVM Sport jekk l-MFA hux se tkun lesta tixtri l-plejers mill-klabbs lokali u tinnegozja magħhom, Vassallo rrisponda fl-affermattiv.

“Iva, inkunu lesti nixtru plejers mingħand il-klabbs biex jiġi ffurmat dan it-tim.”

“Jekk insir President tal-MFA nirriżenja mill-FIFA”

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar x’se tkun il-pożizzjoni tiegħu fil-FIFA jekk kemm-il darba jinħatar President tal-MFA, Vassallo irrisponda li se jkun qed jirriżenja.

“Jien bħalissa impjegat tal-FIFA. Bħalissa għandi l-permess ta’ Gianni Infantino nagħmel din il-kampanja. Jekk niġi elett nirriżenja mill-kariga tiegħi fil-FIFA. Wara l-20 ta’ Lulju nkun naf il-futur tiegħi hux f’Malta jew jibqa’ barra,” qal Vassallo.

“Ma’ Dr Bonett għandi relazzjoni ta’ ħbiberija. Konvint li qed ipoġġi l-ideat tiegħu li jaħseb li huma l-aħjar għall-futbol Malti”

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Dr Chris Bonett u jekk kemm-il darba jinħatar President tal-MFA ikunx lest jibgħat għalih u jaħdem miegħu, Vassallo rrisponda:

“Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Dr Chris Bonett hi waħda ta’ ħbiberija. Meta niltaqgħu nieħdu b’idejn xulxin. Iltqajna ftit tax-xhur ilu biex naraw jistax ikun hemm ftehim bejnietna iżda dan ma’ seħħx. Persważ li Dr Bonett qed ipoġġi ’l quddiem ideat li jaħseb li huma l-aħjar għall-futbol Malti. Malta għandna tkun kburija b’nies bħalna li ħadmu fil-UEFA u l-FIFA.

“Għadu prematur biex wieħed jgħid jekk Dr Bonett u nies oħra jerġgħux jagħmlu parti mill-MFA taħt it-tmexxija tiegħi. Iżda jien ma neskludi xejn,” qal Vassallo.

“Norman Darmanin Demajo mhux se jkun involut taħt it-tmexxija tiegħi”

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-President attwali Norman Darmanin Demajo, Vassallo wieġeb:

“Ma’ Norman Darmanin Demajo għandi relazzjoni tajba ħafna. Naħseb li l-ewwel żewġ termini tiegħu għamilhom tajjeb ħafna. L-aħħar tliet snin ma tantx nista nitkellem fuqhom għax ma kontx miegħu. Norman mhu se jkun involut xejn fl-MFA taħt it-tmexxija tiegħi,” qal Vassallo.

 Temi oħra

Bjorn Vassallo qal li dejquħ ħafna l-battibekki ta’ dawn l-aħħar xhur bejn l-MFRA u l-MFA. Hu qal li trid tinstab soluzzjoni li tagħmel sens għal kulħadd.

Mistoqsi jekk fl-aħħar xhur u snin saritlux offerta politika u jekk hemmx ċans jidħol f’din l-arena f’każ li jitlef l-elezzjoni, Vassallo rrisponda:

“Jekk nitlef se nibqa’ fil-FIFA. Mhux se nidħol fil-politika, tal-inqas għas-snin li ġejjin,” qal Vassallo, mingħajr ma rrisponda jekk saritlux offerta jew jekk kellux xi diskussjonijiet ta’ dan it-tip.

Fil-bidu tal-konferenza, Bjorn Vassallo qal li ġabar lill-media fil-Marsa għax jaħseb li proprju fuq l-art fejn konna kienet il-benniena minn fejn beda l-futbol Malti fiż-żminijiet moderni tal-lum.

“Bdejna naraw il-livelli tagħna jikbru proprju minn hawn. Minn dak iż-żmien sal-lum bqajna naraw il-faċilitajiet sportivi jmorru ’l quddiem. Imxejna u għamilna passi kbar ’il quddiem biex illum ngħixu f’pajjiż tal-futbol ħafna aħjar.

“Naħseb li għandi l-esperjenza neċessarja biex inkun President tal-MFA. Għandi 25 sena esperjenza fil-livelli kollha. Għandi 15-il sena minnhom fi klabb lokali. Nista’ nifhem sew minn xhiex jgħaddu l-klabbs. Wara dan iż-żmien mort fl-MFA fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv u Segretarju Ġenerali. Mill-istrateġija klabbs, klabbs, klabbs ħadna l-massimu,” qal Vassallo.

Bjorn Vassallo temm l-indirizz tiegħu billi qal li fi żmien li ġej se jkun qed jiltaqa’ mal-klabbs kollha biex jippreżentalhom il-programm tiegħu wkoll u se jerġa’ jsib okkażjoni oħra biex jiltaqa’ mal-media lokali.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

It-telfa ta’ 2-1 ta’ Malta kontra n-Norveġja f’Ta’ Qali nhar it-Tnejn kienet l-aħħar waħda ta’ Ray Żażu Farrugia fit-tmexxija tat-team nazzjonali Malti. Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Malta Football Association ħabbret…

Futbol lokali

KAMPJONAT EWROPEW U21 – GRUPP 8 TA’ KWALIFIKAZZJONI DANIMARKA….5 MALTA…………..1 Telfa kerha għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kontra d-Danimarka bi skor ta’ 5-1 f’partita minn Grupp 8 ta’…

Futbol lokali

Telfa ta’ 2-0 għal Malta fil-partita minn Grupp 6 tar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena kontra Ċipru. Il-gowls ta’ Ċipru waslu fit-tieni taqsima fil-51 minuta minn Nicolasou…

Futbol lokali

Fi tmiem din il-ġimgħa ngħata bidu għall-kampjonat tal-Mini Football li qed jiġi organizzat għall-ewwel darba mill-Malta Mini Football Association u li qed jintlagħab fil-grawnd tal-8-a-side tal-Marsa. Tmien timijiet qed jieħdu…

Aktar