Euro2020
Franza jirbħu l-aħħar logħba ta’ ħbiberija qabel l-EURO 2020, u ż-żgħażagħ Spanjoli jirbħu lil Litwanja

Spanja U21  4-0  Litwanja

Iż-żgħażagħ Spanjoli xejnu l-isfida tal-Litwanja meta rebħulhom f’logħba ta’ ħbiberija 4-0. It-tim tal-kbar Spanjol ma setax jilgħab din il-logħba tal-ħbiberija minħabba li ftit tal-jiem ilu d-difensur Sergio Busquets instab pożittiv għall-Covid-19, allura t-tim kollu tpoġġa fi kwarantina mandatorja.

L-Ispanjoli bdew tajjeb ħafna, tant li wara 3 minuti Guillamon fetaħ l-iskor. Fl-24 minuta Diaz skorja t-tieni u man-nofs siegħa logħob Ruiz falla penalty biex sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien 2-0.

Fit-tieni taqsima ż-żgħażagħ Spanjoli komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda, u fl-54 minuta Miranda għamilhom 3-0. Ir-raba’ u l-aħħar gowl wasal minn Puado fit-73 minuta.

Franza  3-0  Bulgarija

Franza temmet il-preparamenti tagħha għall-EURO 2020 bl-aħjar mod possibbli meta għelbet lil Bulgarija 3-0. Antoine Griezmann fetaħ l-iskor għal Les Blues fid-29 minuta u hekk baqgħu sal-mistrieħ. Doppjetta t’Olivier Giroud fl-aħħar minuti tal-logħba ssiġġillat ir-rebħa għall-Franċiżi, b’gowls fit-83 u fid-90 minuta.

F’logħbiet oħra:

Polonja  2-2  Iżlanda
Ungerija  0-0  Irlanda
Repubblika Ċeka  3-1  Albanija

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA