Tazza tad-Dinja 2018
Franza – Kroazja fil-finali ta’ nhar il-Ħadd

Kroazja… 2

Ingilterra… 1

Se tkun Franza – Kroazja l-finali tat-Tazza tad-Dinja Russja 2018 wara li 120 minuta fil-Luzhniki Stadium ta’ Moska raw lill-Kroati jegħlbu lill-Ingilterra 2-1 b’goal fil-ħin barrani wara li kienu minn taħt: biex qasmu qalb nazzjon u kissru ħolma Ingliża ta’ 52 sena.

Ingilterra mill-ewwel fil-vantaġġ: fil-5 minuta: freekick barra l-kaxxa għal foul fuq Dele Alli: Trippier xutt mill-isbaħ dritt għal taħt il-mimduda fejn Subasic ma setax jilħaq.

Fl-14-il minuta daqqa ta’ ras ta’ Maguire minn corner marret ftit barra: erba’ minuti wara l-ewwel tentattiv lejn il-lasta mill-Kroazja, xutt ta’ Perisic, ebda periklu għal Pickford. Man-nofs siegħa logħob Kane probabbli f’pożizzjoni t’offside ixxuttja f’Subasic minn taħt il-lasta. Minuta wara kien imiss lil Pickford jilqa’ tajjeb fuq Rebic. L-aħħar azzjoni tajba tal-ewwel taqsima waslet fil-35 minuta meta Lingard ixxuttja barra għall-Ingilterra minn qagħda tajba, biex it-team ta’ Gareth Southgate daħal jistrieħ 1-0 minn fuq.

Fit-tieni taqsima l-Kroazja ħarġu aktar offensivi. Fil-65 minuta: xutt b’saħħtu ta’ Perisic, providenzjali Kyle Walker li mblokka l-ballun indirizzat għal ġewwa u anke kellu bżonn attenzjoni medika. Tliet minuti wara iżda wasal id-draw meritat għall-Kroati: kross ta’ Vrsaljko mil-lemin, Perisic għeleb erba’ difensuri Ngliżi għal ballun biex b’saqajh fl-ajru tefa’ fix-xibka.

72 minuta u l-istess Perisic għal ftit ma qalibx ir-riżultat favur il-Kroazja imma kien sfortunat li x-xutt imkaxkar tiegħu ħabat mal-lasta minn ġewwa. Mir-rebound Rebic ixxuttja dgħajjef f’idejn il-goalkeepeet Ingliż. Żewg cansijiet għall-Kroazja f’temp ta’ minuta: l-ewwel Mandzukic ixxuttja f’Pickford, imbagħad Perisic tefa’ għoli bil-goalkeeper barra minn postu: biex id-90 minuta regolamentari għalqu 1-1.

Fl-ewwel taqsima tal-ħin barrani ċans għal kull naħa: corner għall-Ingliżi, jogħla Stones bir-ras, Vrsaljko fuq il-linja jevita goal ċert: u fil-ħin miżjud save mirakoluż ta’ Pickford fuq Mandzukic minn taħtu.

Fil-108 minuta: il-mument deċiżiv: Perisic jirbaħ ballun fl-arja u jitfa’ fil-kaxxa, Mandzukic jidħol wara l-linja difensiva ngliża, did-darba Pickford ma jista’ jagħmel xejn kontra x-xutt angolat tal-attakkant Kroat.

Il-Kroazja kkonttrollaw il-minuti li kien baqa’ biex minkejja 4 minuti oħra ta’ ħin miżjud mogħtija mir-referee Tork Cakir Cuneyt, l-iskor baqa’ ma nbidilx: Kroazja 2, Ingilterra 1: Kroazja fl-ewwel finali tagħhom tat-Tazza tad-Dinja, għall-Ingilterra xejn ħlief diżappunt u konsolazzjoni tal-partita għat-tielet post kontra l-Belġju nhar is-Sibt.

Kroazja: Subasic, Vrsaljko, Lovren, Vida, Strinic (Pivaric 95′), Brozovic, Rakitic, Rebic (Kramaric 101′), Modric (Badelj 119′), Perisic, Mandzukic  – Coach: Dalic

Ingilterra: Pickford, Maguire, Stones, Walker (Vardy 112′), Young (Rose 91′), Dele Alli, Henderson (Dier 97′), Lingard, Trippier, Kane, Sterling (Rashford 74′)  – Coach: Southgate

Referee: Cakir Cuneyt (Turkija)

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Tazza tad-Dinja 2018

Il-Qorti ta’ Moska ilbieraħ bagħtet 15-il ġurnata ħabs lil waħda mill-erba’ persuni li nvadew il-pitch matul il-finali tal-Ħadd li għadda bejn Franza u l-Kroazja. Erba’ persuni invadew il-pitch matul il-finali…

Tazza tad-Dinja 2018

Merħba ta’ eroj anke għat-team nazzjonali tal-Kroazja mal-wasla lura Zagreb wara li kontra kull aspettattiva ġie t-tieni fit-Tazza tad-Dinja fir-Russja fejn tilef biss fil-finali kontra Franza. Minkejja t-telfa, it-team Kroat…

Tazza tad-Dinja 2018

L-għada li ġew inkurunati champions ġodda tad-dinja, ritorn trijonfali fil-kapitali Pariġi għall-iskwadra nazzjonali Franċiża tal-football. Eluf kbar ta’ partitarji laqgħu l-iskwadra l-ajruport Charles de Gaulle imma l-akbar merħba lill-players u…

Tazza tad-Dinja 2018

Qabel saret iċ-ċerimonja tal-għoti tal-midalji u eventwalment it-tazza lir-rebbieħa, ingħataw midalji lill-plejers li ddistingwew ruħhom f’din l-edizzjoni tar-Russja 2018. Inċidentalment, il-plejers li rebħu l-unuri lagħbu mat-timijiet li waslu sas-semifinali ta’…

Aktar