Tennis
Fred Perry – it-tennist Brittaniku li kien meqjus ribelluż

Meta Fred Perry rebaħ l-Open ta’ Wimbeldon fl-1936, żgur li ma ħasibx li ser ikun il-Brittaniku li jżomm dan l-unur għal 77 sena. Fil-karriera tiegħu Fred Perry rebaħ tmien Grand Slams, tlieta minnhom f’Wimbeldon, fl-1934, 1935 u 1936.

Sena wara l-oħra, diversi tennisti Brittaniċi ppruvaw li jwettqu dak li wettaq Perry, imma wieħed wara l-ieħor fallew. Kien fl-1984 meta l-All England Club iddeċieda li jagħmel statwa ta’ Perry fil-grounds fejn kien jintlagħab it-tennis bit-tama li l-isport jerġa’ jieħu l-ħajja fir-Renju Unit.

Kellu jkun l-Iskoċċiż Andy Murray, li fl-2013, fil-finali tal-Open ta’ Wimbeldon, għeleb lil Novak Djokovic, sena biss wara li rebaħ l-Open tal-Istati Uniti, u b’hekk sar l-ewwel Brittaniku wara Perry li rebaħ titlu simili.

Fred Perry twieled fit-18 ta’ Mejju 1909, 111-il sena ilu. Twieled f’familja tal-ħaddiema fi Stockport, u missieru kien jaħdem fil-qoton sakemm ġie elett fil-Parlament Ingliż. Meta fl-1919 il-familja ta’ Fred Perry imxiet lejn Ealing, f’Londra, it-tfajjel kellu 10 snin u kien tajjeb ħafna fit-table tennis. Fl-1929 rebaħ titlu dinji fit-table tennis, imma kien it-tennis li l-aktar kien jaffaxinah. Biss matul dawk iż-żminijiet it-tennis kien għall-klassi għolja tas-soċjetà, u meta fl-1923 żar Eastbourne kien baqa’ affaxxinat bil-grounds tat-tennis.

Stinka biex daħal fid-dinja tat-tennis u fl-1929 wasal sat-tielet round tal-Open ta’ Wimbeldon. Sena wara reġa’ ħa sehem u wasal f’round aktar ‘il quddiem meta għeleb lit-Taljan Umberto de Morpugo. Għal Fred Perry dik ir-rebħa kienet meqjusa bħala l-bidu tal-karriera tennistika tiegħu. Fl-1933 rebaħ l-Open tal-Istati Uniti meta fil-finali għeleb lil Jack Crawford. Fl-1934 rebaħ l-Open ta’ Wimbeldon, għal darb’oħra għeleb lil Crawford fil-finali u kien il-Brittaniku li rebaħ dan it-titlu wara 25 sena. Fl-All England Club mhux kulħadd kien kuntent bi Fred Perry. Kien hemm min iqisu ribelluż, li jgħid dak li jħoss, u mhux kulħadd xtaqu jirbaħ l-Open ta’ Wimbeldon. Fl-istess sena Perry rebaħ ukoll l-Open tal-Awstralja u tal-Istati Uniti. Fl-1935 rebaħ ukoll ir-Roland Garros u sar l-ewwel tennist li rebaħ il-Grand Slams kollha fil-karriera.

Sa dak iż-żmien Fred Perry kien għadu amateur, u meta fl-1936 reġa’ rebaħ l-Open ta’ Wimbeldon, iddeċieda li jsir tennist professjonali u mexa lejn l-Istati Uniti. Meta telaq mill-Gran Brittanja għall-Istati Uniti, Fred Perry inbidel. Beda jgħix ħajja differenti, tħallat mal-aqwa nies ta’ Hollywood, u filwaqt li żżewweġ xejn inqas minn erba’ darbiet, l-aħħar snin ta’ ħajtu għexhom f’Melbourne u miet fl-1995.

Meta fl-1984 ra l-istatwa tiegħu fl-All England Club, qal li qatt m’immaġina li xi darba ser jara statwa tiegħu fil-post minħabba li dejjem ħass li ma kienx aċċettat biżżejjed għax kien ta’ żaqqu fommu u meqjus ribelluż.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Tennis

Għall-edizzjoni tar-Roland Garros tal-2020 se jitħallew jidħlu spettaturi sa 60% tal-ispazju li jesgħu l-courts tat-tennis li se jkun qed jintlagħab it-tournament. L-organizzaturi tal-Open ta’ Franza qalu li se jkunu qed…

Tennis

Il-leġġenda Martina Navratilova, meqjusa bħala waħda mill-aqwa tennisti femminnili fl-Istorja, qalet li Coco Gauff hi tennista b’potenzjal li tista tibdel id-dinja għall-aħjar. It-tennista żagħżugħa Amerikana kellha diskors b’saħħtu ħafna waqt…

Tennis

Tennis: Tkompli l-kontroversja wara l-Adria Tour it-tournament tat-Tennis li organizza it-tennista Serb Novak Djokovic. Illum it-tennista Awstraljan Nick Kyrgios ikkritika bil-qawwa l-atteġjament xejn professjonali tat-tennista Alexander Zverev li meta dan…

Tennis

Maria Sharapova, waħda mill-aqwa tennisti femminili fid-dinja f’dawn l-aħħar snin, ħabret li rtirat mill-karriera professjonali tagħha. Ir-Russa ta’ 32 sena kellha karriera brillanti b’36 titlu WTA u kienet damet 21…

Aktar