Olimpijadi TOKYO 2020
Ftit sigħat ‘il bogħod miċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi ta’ Tokjo

Fl-aħħar sigħat kienu qegħdin isiru spezzjonijiet sabiex ikun assikurat li kollox jinsab taħt kontroll qabel m’aktar tard illum issir iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi ta’ Tokjo.

L-organizzaturi tal-Olimpjadi ta’ Tokjo xejn ma kellhom sigħat faċli quddiemhom, meta affaċċjaw skandlu ieħor lejlet iċ-ċerimonja tal-ftuħ. S’issa għadu ma ġiex żvelat liema Ġappuniż/a ser iġorr it-torċa olimpika fl-aħħar ftit metri qabel tinxtegħel il-fjamma olimpika fl-Istadium ta’ Tokjo.

L-identità tal-aħħar persuna li ser iġġorr it-torċa olimpika ilu jinżamm sigriet għal xhur twal, b’ħafna jispekulaw li ser tkun it-tennista Naomi Osaka li ser iġġorr it-torċa fl-aħħar ftit metri qabel titqabbad il-fjamma olimpika. Naomi Osaka diġà rebħet 4 Grand Slams fil-karriera tagħha, u hemm min qed jgħid li probabbli għażlu lilha biex jiddevjaw l-attenzjoni tal-pubbliku inġenerali minn numru ta’ żbalji ħoxnin bi preparament għal dawn l-Olimpjadi. Osaka hija meqjusa waħda mill-istilel sportivi Ġappuniżi.

Sa ftit sigħat qabel jingħata bidu uffiċjali għal-Logħob Olimpiku, l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika baqa’ l-istess kif kien f’dawn l-aħħar xhur, b’75% tal-parteċipanti jiddubitaw kemm il-Ġappun jista’ jospita l-Olimpjadi b’mod sikur minħabba l-Covid-19, b’aktar minn 50% jisħqu li din l-edizzjoni messha ġiet ikkanċellata.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi 2020 ser tibda fis-13:00 (ħin ta’ Malta). Il-kontinġent Malti, immexxi mix-Chef de Mission Dr Lucienne Attard, ser jieħu sehem fiċ-ċerimonja tal-ftuħ, u l-bandiera Maltija ser tinġarr mit-tiratriċi Eleanor Bezzina u l-għawwiem Andrew Chetcuti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA